Inbdiet inkjesta wara li nstabet ammont mhux magħruf ta’ droga kokaina fit-toilet ta’ ċella ta’ priġunier fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Dan skont rapport ikkonfermat mill-ġurnal Times of Malta, li qalet li ammont mhux żvelat ta’ sustanza bajda, maħsuba li hija kokaina, instab waqt kontrolli ta’ rutina ġewwa ċ-ċelel tal-ħabs aktar kmieni din il-ġimgħa.
Kelliem għall-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi qal lill-ġurnal id-droga nstabet waqt spezzjonijiet f’division 3 tal-ħabs. Ittieħdet azzjoni immedjata b’rapport tal-pulizija jiġi ppreżentat fl-Għassa ta’ Raħal Ġdid kif ukoll azzjoni interna skont il-proċeduri operattivi standard tal-aġenzija.
Il-priġunier inkwistjoni ġie trasferit għal diviżjoni oħra sakemm jiġu konklużi l-investigazzjonijiet. It-trasferiment tiegħu għall-iżolament ma setax jiġi kkonfermat immedjatament għalkemm din hija normalment il-prattika standard, qalet it-Times.
“L-Aġenzija tas-Servizzi Korrettivi tipprattika tolleranza żero għad-droga ġewwa l-ħabs u taħdem ħafna, flimkien ma’ entitajiet oħra, biex tipprovdi riabilitazzjoni tad-droga lill-ħabsin. Sustanzi illeċiti jxekklu l-proċess ta’ rijabilitazzjoni u dan ma jistax jiġi tollerat,” qal il-kelliem lit-Times of Malta meta mistoqsi.
Hija spjegat kif jintużaw testijiet ta’ rutina biex jiġi stabbilit jekk il-ħabsin għamlux użu minn xi sustanza illeċita. L-iskoperta wriet kif “is-sistemi fis-seħħ biex jinstabu drogi illeċiti reġgħu ħadmu,” qalet il-kelliema.
“L-Aġenzija tas-Servizzi Korrettivi se tkompli l-ġlieda tagħha kontra l-preżenza tad-droga fil-ħabs mhux biss biex tippreserva l-aħjar riżultati miksuba iżda fuq kollox biex tissalvagwardja l-ħabsin kollha,” żiedet tgħid.
Is-sena l-oħra, gwardjan tal-ħabs irriżenja mill-impjieg tiegħu wara li rriżulta pożittiv għall-kokaina waqt test ta’ rutina tal-awrina fost l-uffiċjali tal-ħabs. Skont informazzjoni mressqa fil-parlament is-sena l-oħra, total ta’ 15-il priġunier tal-ħabs irriżultaw pożittivi għad-droga fl-2021.
Meta wieġeb mistoqsija parlamentari tad-Deputat tal-PN Beppe Fenech Adami, il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri qal li saru 3,347 test tad-droga fl-2021, li rriżultaw 15-il każ pożittiv. Ir-rata ta’ pożittività tad-droga meta mqabbla mal-ammonti ta’ testijiet li saru kienet ta’ 0.45%, qal il-Ministru Camilleri.