Sport Sport Ieħor

Danica Spiteri Bonello tingħata t-TGS Fair Play Award

L-Għaqda Ġurnalisti Sports ħabbret li l-għaxar TGS Fair Play Award, li jkopri l-perjodu bejn April u Ġunju 2023 jingħata lit-triatleta veterana Danica Bonello Spiteri.

Dan l-unur huwa riżultat tal-kolaborazzjoni li l-Għaqda Ġurnalisti Sports għandha mal-Malta Fair Play Movement u Together Gaming Solutions. Huwa intiż għal dawk li jiddistingwu ruħhom fil-qasam tal-isport kemm fuq livell individwali jew bħala tim għal mod altruwistiku ta’ Fair Play.

Danica Bonello Spiteri kienet ippremjata wara li fit-tellieqa tal-Kampjonat Nazzjonali tat-Triathlon Sprint, li saret nhar il-Ħadd 11 ta’ Ġunju fis-Salina, Maya Schembri Rodgers kienet l-ewwel atleta li ħarġet mill-ilma u allura Danica Bonello Spiteri, irsistiet biex tnaqqas id-distakk ta’ bejniethom fuq ir-rota.

Waqt il-frazzjoni tar-rota Bonello Spiteri rat lil Schembri Rogers titfixkel u taqa’ minn fuq ir-rota. Minkejja l-kompetizzjoni Bonello Spiteri waqfet biex tgħinha. Fl-istess waqt Bonello Spiteri għamlet il-kuraġġ lil Schembri Rodgers biex terġa’ tirkeb ir-rota u tkompli t-tellieqa magħha. Bonello Spiteri spiċċat fl-ewwel post, filwaqt li Schembri Rodgers daħlet it-tieni overall fl-istess kompetizzjoni.

Bonello Spiteri ħasset li kienet xi ħaġa naturali fiha, li tieqaf u tassisti lit-triatleta promettenti Maya Schembri Rogers.

Il-premjazzjoni tat-trofew saret minn Edward Licari Direttur ta’ Together Gaming Solutions li rrimarka kummenta pożittivi għal mod kif il-lat uman gie qabel l-element ta’ kompetizzjoni.