Lokali Saħħa

Gvern li berbaq flusna u nesa lill-ħaddiema tas-saħħa u lill-pazjent – PN

Is-sistema tas-saħħa f'pajjiżna tinsab taħt pressjoni kbira b’konsegwenza li qed ibatu bosta pazjenti

In-nuqqas ta’ investiment tal-Gvern li ma’ investiex f’infrastruttura li tista’ takkomoda u tlaħħaq mad-domanda dejjem tiżdied fuq is-servizzi tal-kura qed iġġib piżijiet ġodda fuq il-pazjent u l-ħaddiema kollha fis-settur. Minflok il-Gvern ġab investiment, ta tliet sptarijiet tagħna lill-barranin, u tahom mal-€400 miljun bħala grazzi talli m’għamlu xejn. Berbqu l-flus tal-poplu u ma’ għamlu xejn.

Hekk intqal fi stqarrija maħruġa mid-deputat tal-PN Stephen Spiteri.

Il-Partit Nazzjonalista ilu jisħaq li pajjiżna, issa, mhux ta’ sptar wieħed, b’Mater Dei jegħreq b’overload ta’ pazjenti f’kull dipartimet. Dan ġara, għax l-isptar Mater Dei m’għadux jiflaħ il-pjan ekonomiku tal-Gvern Laburista. Pjan li jiffoka biss fuq it-tkabbir tal-popolazzjoni. 

Professjonisti u ħaddiema fil-qasam tas-saħħa jinsabu burnt out waqt li jkomplu joffru l-aħjar servizz lill-morda. Sfortunatament is-sitwazzjoni hi li qed ikollna stennija twila fl-emerġenza. Operazzjonijiet kuljum posposti għaliex il-kirurgi m’għandhomx faċilitajet adekwati fejn jistgħu joperaw. Listi ta’ stennija għall-operazzjonijiet dejjem jitwalu b’mod speċjali fl-ortopedija, fejn xi drabi pazjent qed ikollu jistenna snin.

Il-Partit Nazzjonalista jisħaq li dan kollu mhux aċċetabbli. Il-qasam tas-saħħa jeħtieġ li jingħata l-attenzjoni massima. Rajna f’dawn il-ġranet influss qawwi ta’ pazjenti b’komplikazzjonijiet relatati ma’ temperaturi għoljin. Żieda fil-morbidità u l-mortalità anki għal konsegwenza diretta ta’ nuqqas ta’ elettriku madwar pajjiżna għaliex wieħed ma’ setax jikkontrolla s-sħana.

Qed naraw kroll fil-qasam tas-saħħa u deterjorazzjoni fil-kwalità tas-sevizzi. In-nuqqas ta’ ppjanar mill-Gvern ta’ Robert Abela, in-nuqqas ta’ investiment fir-riżorsi umani f’dan settur qed ikomplu jxekklu s-servizz tas-saħħa f’Malta u f’Għawdex.