Ebda ċaħda mill-President tal-Labour Ramona Attard meta waqt dibattitu fuq l-istazzjoni 103 ippreżentat mill-Professur Andrew Azzopardi, kienet mistoqsija jekk Robert Abela u l-Ministru tal-finanzi Clyde Caruana ġew allegatament fl-idejn waqt laqgħa tal-Kabinett aktar kmieni din il-ġimgħa.
Kien l-awtur Mark Camilleri li żvela din l-istorja, u d-dettalji ta’ dak li seħħ fil-Kabinett, fejn f’ġimgħa ta’ taqlib politiku enormi, Caruana spiċċa allegatament ġie fl-idejn mal-Prim Ministru. U kellu jkun is-Segretarju tal-Kabinett illi jisseparahom.
Mistoqsija dwar dan il-fatt Ramona Attard qalet biss “jien ma naqrax lil Mark Camilleri” u biex tipprova teqleb is-suġġett, spiċċat tattaka b’mod partiggjan.
Intant is-Segretarju Ġenerali tal-PN Michael Piccinino, stqarr li huwa verament gravi li l-President tal-Partit Laburista mhux f’kundizzjoni li tiċħad dan il-fatt inkwetanti ta’ ġlied intern fil-Gvern.
Dan kollu filwaqt li l-ġurnal Times of Malta żvelat kif Robert Abela ħataf parti mir-responsabbilta ministerjali tal-Minsitru Clyde Caruana u biex taha lill-Ministru Roderick Galdes – bl-allegazzjonijiet ikomplu jindikaw li tali deċiżjoni ma niżlet tajba xejn ma’ Caruana.
Intant id-domandi kollha li “wieġbet” għalihom Ramona Attard, deheret taqra mill-karti .. tant u hekk li anka l-preżentatur Andrew Azzopardi ġibdilha l-attenzzjoni … għaliex flok twieġeb spiċċat iddur mal-lewża – mingħajr ma tat soluzzjonijiet konkreti dwar il-problemi li qed jolqtu lill-poplu Malti għall-serħan il-moħħ.