Il-Federazzjoni Maltija tal-Assoċjazzjonijiet Professjonali, tinsab ixxokkjata bir-riżultati tal-eżamijiet tas-SEC.
Dan hekk kif skont iċ-ċifri ppubblikati fl-aħħar jiem, minn 4093 student, kienu madwar 40% illi fallew is-suġġett tal-Matematika, aktar minn 30% li fallew fis-suġġett tal-Malti, filwaqt li 23% fallew is-suġġett tal-Ingliż.
Intant, skont ir-rapport tal-istatistika ġenerali tal-MATSEC għas-sessjoni tal-eżamijiet ta’ Mejju, minn 36,044 karta tal-eżami, madwar 20% minnhom irċevew grad ‘U’.
Il-Federazzjoni Maltija tal-Assoċjazzjonijiet Professjonali sostniet li minn dawn iċ-ċifri jidher ċar li persentaġġ kbir tal-istudenti qed isibuha diffiċli sabiex jilħqu l-istandards minimi, speċjalment f’suġġetti ewlenin kif ukoll f’suġġetti ta’ Xjenza, Teknoloġija, Inġinerija u Matematika.
L-MFPA insistiet illi dawn ir-riżultati huma allarmanti, speċjalment peress li dawn l-istess studenti se jidħlu fid-dinja tax-xogħol tagħhom daqs sentejn oħra. Għaldaqstant l-MFPA, appellat lill-Gvern u l-awtoritajiet ikkonċernati sabiex jannalizzaw in-nuqqasijiet li hemm fis-sistema edukattiva ta’ pajjiżna, u jiġu identifikati u implimentati azzjonijiet effettivi fuq terminu qasir, medju u fit-tul biex itaffu u jtejbu l-edukazzjoni f’Malta.
//= $special ?>