Lokali Saħħa

It-tobba jinsistu li hemm bżonn aktar investiment fis-sistema tas-saħħa

Il-Gvern għandu jbiddel ir-rotta. Ma jistax jibqa’ sejjer f’din id-direzzjoni. U fejn jidħol il-qasam tas-saħħa, jeħtieġ ferm aktar investiment.

Huwa dan is-sentiment espress mill-Assoċjazzjoni tat-Tobba, il-MAM, illi fi stqarrija qalet li wara l-laqgħa tal-bieraħ tal-MCESD spiċċat ħarġet b’dak li sejħet ‘mixed feelings’.

Il-MAM, fi stqarrija, tkellmet dwar l-iżvilupp eċċessiv li qed ikerrah lil pajjiża u ż-żieda fil-popolazzjoni. Dawn huma fatturi li skont it-tobba qed jitfgħu pressjoni kemm fuq l-infrastruttura u anke fuq l-isptarijiet ta’ pajjiżna. Tant illi kif rajna fl-aħħar ħmistax, spiċċajna kellna ngħaddu minn ġimgħatejn ta’ ‘blackouts’ bla preċedent – qtugħ tad-dawl li ħalla impatt enormi fuq l-ekonomija, fuq is-settur tas-saħħa u fuq il-kwalità tal-ħajja tan-nies.

Fl-istqarrija li ħarġet is-Sibt, l-għada tal-laqgħa tal-MCESD, it-tobba qalu li jinsabu diżappuntati ferm għall-fatt li fis-saħħa jidher li mhemmx intenzjoni li jsir investiment addizzjonali.

Bħalissa, is-sitt swali addizzjonali f’Mater Dei li suppost jintużaw għal emerġenzi maġġuri jinsabu ippakjati bil-pazjenti. Dan meta l-Gvern ma ddejjaq xejn itajjar €400 miljun f’deal frawdolenti li ma tana xejn lura bħala pajjiż.

U quddiem din is-sitwazzjoni, it-tobba appellaw lill-Gvern sabiex b’mod urġenti jsir investiment estensiv fl-isptar; għaliex in-nies jixirqilhom aħjar.