Mis-17 ta’ Lulju pajjiżna beda jħabbat wiċċu ma’ kriżi fil-provvista tal-elettriku
Kelliem għal Ministeru tas-Saħħa kkonferma mal-gazzetta MaltaToday li mill-inqas 15-il persuna tilfu ħajjithom mis-17 ta’ Lulju bil-kawża tkun jew deidrazzjoni, ċioè nixfa qawwija jew ipertermija, jiġifieri li t-temperatura tal-ġisem tiżdied b’mod mhux normali.
Dan hekk kif pajjiżna kien qiegħed iħabbat wiċċu ma’ temperaturi għoljin fejn fl-istess waqt il-familji Maltin u Għawdxin spiċċaw isofru sigħat u jiem twal ta’ qtugħ fil-provvista tal-elettriku u f’xi waqtiet qtugħ fil-provvista tal-ilma wkoll.
Dan filwaqt li l-Isptar Mater Dei kien taħt pressjoni kbira għad-detriment tal-pazjenti u l-ħaddiema.
Ħadd s’issa ma refa’ responsabbiltà jew tal-inqas ħass l-obbligu li jwettaq apoloġija fil-konfront ta’ dawk li fl-aħħar ġimgħa u fuqhom sofrew il-kriżi li kellhom jaffaċċjaw.
Intant il-Partit Nazzjonalista ppreżenta mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Parlament fil-konfront tal-Ministru Miriam Dalli għaliex ma kinitx kapaċi tindirizza b’mod xieraq in-nuqqasijiet kawżati u għaldaqstant ġie spjegat li l-pożizzjoni tagħha m’għadhiex kredibbli.
