Sport Sport Ieħor

Minn deċiżjoni kontra Kharlan għal waħda revokata

Il-Kumitat Olimpiku Internazzjonali ħeġġeġ lill-federazzjonijiet sportivi biex juru sensittività meta jittrattaw kompetizzjonijiet bejn atleti Ukreni u Russi li jikkompetu bħala newtrali.

Dan wara l-iskwalifika li ngħatat lil fencer tal-Ukrajna Olha Kharlan fil-Kampjonati tad-Dinja tal-Fencing li qed isiru f’Milan, deċiżjoni li ħolqot kritika u stmerrija għal mod kif Il-fencer tal-Ukrajna ġiet skwalifikata minkejja li rebħet.

Deciżjoni li kienet revokata 24 siegħa wara.
L-erba’ darbiet champion tad-dinja Olha Kharlan ġiet skwalifikata f’deċiżjoni meqjusa bħala tal-mistħija mill-presidenza Ukrena talli ma ħaditx b’idejn l-avversarja tagħha Russa Anna Smirnova, li kienet qed tikkompeti bħala newtrali.

Kharlan, ta’ 32 sena, kienet ingħatat iċ-ċans biex tikkompeti aktar kmieni matul il-ġurnata, wara li l-Ministeru tal-Isports tal-Ukrajna biddel il-politika preċedenti tiegħu li jwaqqaf lill-atleti milli jikkompetu kontra atleti mir-Russja jew Belarus li jikkompetu bħala newtrali.

Din id-deciżjoni tal-Ministeru Ukren naqqset il-biża ta’ bojkott tal-Olimpjadi ta’ Pariġi fejn issa atleti Ukreni qed ipparteċipaw f’kompetizzjonijiet internazzjonali biċ-ċans li jikkwalifikaw għal-Logħob Olimpiku ta’ Pariġi 2024

Il-Federazzjoni Internazzjonali tal-Fencing skwalifikat lil Kharlan għax fir-regolamenti ir-rebbieħa kellha tieħu b’idejn it-telliefa. Deċiżjoni li wasslet biex l-Ukrajna tappella biex tkun ikkunsidrata u Kharlan tkun tista tkompli tikkompeti, liema appell kien aċċettat mill-Federazzjoni favur Kharlan.