Sport Sport Ieħor

Weightlifting: Tenishia Thornton fis-seba’ post f’Bucharest

L-uniku rappreżentant Maltija fil-Kampjonati tal-Ewropa tal-Juniors tal-weightlifting f’Bucharest Rumanija, Tenishia Thornton ikkompetiet fil-finali tal-kategorija 59kg.

Thornton kellha bidu tajjeb fis-Snatch b’refa inizjali ta’ 81kg, li kienet biżżejjed biex tegħleb lil atleti ta’ Franza, Ġermanja, Żvezja, Rumanija, Norveġja u Repubblika Ċeka.

Fit-tieni tentattiv tagħha hija refgħet 83kg u rnexxielha taqbeż lill-Polonja u lil Spanja. Sfortunatament iżda falliet it-tielet u l-aħħar tentattiv tagħha ta’ 85kg biex temmet fis-sitt post, bil-midalji ta’ li Snatch jintrebhu mill-Ukrajna u l-Italja.

Fil-Clean and Jerk Thornton sabet diffikultajiet waqt il warming-up tagħha meta ħasset xi uġigħ fl-irkoppa. Hija bdiet bir-refa ta’ 100kg iżda tilfet l-ewwel tentattiv tagħha. Fit-tieni tentattiv għal 100kg din id-darba ma fallietx. Din ir-refa kienet ferm importanti sabiex terġa’ tpoġġiha fuq fil klassifika. Tenishia marret għal 2kg aktar iżda ma sfurzatx iżżejjed u għalhekk ikkonkludiet il-kompetizzjoni b’total ta’ 183kg li poġġiha fis-7 post.

Tenishia Thornton kienet flimkien mal-President tal-Federazzjoni Maltija Jesmond Caruana.