L-Orkestra Filarmonika ta’ Malta ssospendiet lis-Surmast Sergey Smbatyan, wara li rapporti fil-media internazzjonali qed jindikaw illi hu ġie arrestat fl-Armenja flimkien ma’ missieru.
Sergey Smbatyan ilu mill-bidu tas-sena li għaddiet jokkupa l-kariga ta’ Principal Conductor tal-istess Orkestra, waqt li kien wkoll id- Direttur Artistiku tal-Orkestra tal-Armenja.
Sergey Smbatyan flimkien ma’ missieru qed ikunu investigati dwar allegat frodi fis-settur tal-proprjetà li jitratta art ta’ skola mużikali f’Yerevan, il-kapital Armena.
Skont ir-rapporti tal-media internazzjonali, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali qed jakkuża lil Smbatyan li froda lill-istat xejn anqas minn €2.3 miljun.
Dan il-każ ilu għaddej taħt investigazzjoni sa mill-2012 u jinvolvi zona ta’ madwar 300 metru kwadru ta’ art b’valur ta’ xejn anqas minn 170 miljun dollaru.
Il-kumpanija ta’ Smbatyan kienet ipproponiet li tibni kumpless li jinkludi sala għall-kunċerti u li kellu jiffoka fuq l-edukazzjoni. U għaldaqstant, il-Gvern Armen għadda din l-art lill-kumpanija ta’ Smbatyan – iżda minflok dak propost, ġie mibni ċentru kummeċjali ta’ 17-il sular.
Dan l-arrest jista jitqies bħala daqqa oħra għall-immaġini tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta. Dan wara li wieħed mill-uffiċjali kien ikkundanat fuq il-każ ta’ tfajla li soffriet fastidju sesswali fl-Orkestra; każ li dwaru anka l-Kap Eżekuttiv tal-MPO Sigmond Mifsud qed jaffaċja akkużi. U issa għandek anke id-Direttur Principali tal-MPO li kien arrestat.
L-istqarrija uffiċjali tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta qalet li deċiżjoni finali dwar il-każ tittieħed ladarba jiġu aċċertati l-fatti.