Lokali

Bernard Grech iwassal messaġġ ta’ tama, fiduċja u konvinzjoni

Għandna fiduċja fil-poplu Malti u Għawdxi – fiduċja fil-ħaddiema u l-ġenerazzjonijiet futuri.”

Hekk sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista waqt li kien qed jiġi intervistat fuq Net Television il-Ħadd filgħodu fejn saħaq li l-Partit Nazzjonalista huwa l-partit tal-ideat konkreti, tal-pjanijiet b’viżjoni fit-tul bil-għan li l-familji Maltin u Għawdxin jgħixu bid-dinjità li tixraqilhom.

Bernard Grech insista li tul dawn l-aħħar jiem iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin sofrew minħabba n-nuqqas ta’ investiment tal-Gvern Laburista…tant li saħansitra Robert Abela nnifsu ammetta li minkejja li kien konxju li kien jinħtieġ investiment … xorta waħda baqgħu ma għamlu xejn.

Dan filwaqt li insista li ħadd ma jixraqlu jgħix hekk – f’din il-ħolma kerha li suppost qed ngħixu l-aqwa żmien. Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista ilhom is-snin jipproponu soluzzjonijiet. Fost l-aħħar waħda tkun il-liberalizzazzjoni tas-suq tad-distribuzzjoni tal-enerġija – sabiex il-poplu jkollu għażla…iżda l-Gvern ta’ Abela ma jridx jagħti widen.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna li jinsab sodisfatt li b’rabta mal-mewt taż-żgħażugħ Jean Paul Sofia se tkun qed issir Inkjesta Pubblika wara l-pressjoni tal-NGOs, is-Soċjetà Ċivili, l-ġenituri ta’ Jean Paul u l-Partit Nazzjonalista nnifsu.

Huwa saħaq ukoll li pajjiżna qed jitmexxa minn mexxej tal-u-turns – dan hekk kif Robert Abela grazzi għall-pressjoni li saritlu fost oħrajn mill-Partit Nazzjonalista u pubbliku in ġenerali…wettaq u-turn fuq il-każ tal-Inkjesta Pubblika, fuq il-Marina f’Marsaskala u fuq il-liġi tal-abort.

Dan filwaqt li insista dwar il-ħtieġa ta’ bidla fil-mudell ekonomiku u stqarr li kull membru parlamentari nazzjonalista jaqbel li ma jistax ikun li l-popolazzjoni tkompli tiżdied b’dan il-mod sproporzjonat….għad-differenza tad-Deputati Laburisti.

Intant huwa saħaq li l-Partit Nazzjonalista jemmen bi sħiħ fl-investiment fil-ħaddiema Maltin u Għawdxin, fl-istudenti u fil-ġenerazzjonijiet futuri ta’ dan il-pajjiż.Tama u konvinzjoni li mhux biss il-Maltin u Għawdxin ikollhom ħajja dinjituża, xogħol tajjeb iżda wkoll li jkunu sidien ta’ djarhom.