Għaddew issa ħmistax-il jum minn meta Robert Abela u l-Ministru Jonathan Attard ivvintaw għalkollox storja qarrieqa fuq il-Maġistrat Inkwerenti fl-Inkjesta Maġisterjali ‘Jean Paul Sofia’ iżda sal-lum għadu ma kellhomx id-deċenza li jirtiraw dak kollu li qalu.
Mhux biss ġew imgiddba minnufih mill-Kamra tal-Avukati, iżda anki mill-midja lokali u dik tal-PN u, saħansitra, mill-Eks Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi li kien l-ewwel wieħed li ħadha kontra tagħhom għal din il-gidba serja.
Robert Abela issa ilu diversi ġimgħat u xhur jagħmel tattiċi ta’ bullying fuq il-Ġudikatura, u b’mod partikulari fuq il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia, filwaqt li baqa’ ċass u bla kliem dwar l-għexieren – anzi mijiet – ta’ inkjesti li għadhom pendenti.
Iżda dwar din l-Inkjesta Maġisterjali partikulari kellu kull interess li jagħmel il-pressjoni kollha li għamel… dejjem b’kull mottiv li l-Inkjesta Pubblika ma titwaqqafx. Tajjeb li nfakkru li Robert Abela ġab kull skuża immaġinabbli possibbli biex dik l-Inkjesta Pubblika ma titwaqqafx u kien meta n-nies kienet se tinżel fit-toroq li ra kif se jipprova jirrimedja sitwazzjoni li kienet se tkompli tikkomprometti ruħha.
Robert Abela li għamel ġimgħat u xhur jiżgwida l-opinjoni pubblika dwar id-differenza ta’ bejn Inkjesta Maġisterjali u Inkjesta Pubblika, kellha tkun finalment l-istess Maġistrat Inkwerrenti li aktar kmieni din il-ġimgħa, fil-Proċess Verbal tal-Inkjesta Maġisterjali, preċiżament f’paġna 78, tagħmilha bl-aktar mod ċar u dirett li l-Inkjesta Maġisterjali mmexxija minnha ma kellhiex u anqas legalment seta’ jkollha direttament l-iskop li teżamina jekk kienx hemm ukoll nuqqasijiet amministrattivi u/jew leġiżlattivi.
Dan hu punt mill-aktar importanti li joħroġ mir-rapport tal-Maġistrat iżda li jagħti raġun lil Isabelle Bonnici, omm Jean Paul Sofia l-vittma tat-traġedja tat-3 ta’ Diċembru li għadda, li ilha tinsisti għal Inkjesta Pubblika għaliex hu biss permezz ta’ din it-tip ta’ Inkjesta li tista’ tinkixef il-verità kollha ta’ x’wassal għal din it-traġedja.
Naturalment din l-istqarrija tal-Maġistrat Marse-Ann Farrugia tagħti raġun lill-poplu Malti u Għawdxi li argumenta favur li titwaqqaf din l-Inkjesta Maġisterjali li iżda Robert Abela dejjem oppona bil-qawwa kollha u kien biss dakinhar li n-nies kienet se tibda tipprotesta fil-Belt Valletta li għotor għall-pressjonijiet kbar li kienu qed isiru fuqu biex iċedi u ma jibqax joħroġ għonqu għal terzi involuti f’din id-diżgrazzja.
Dwar ir-rapport tal-Inkjesta Maġisterjali maħruġ fil-pubbliku, ikkummenta anki l-Partit Nazzjonalista li fisser li: “Għalhekk ir-rapport ippubblikat mill-Gvern stess igiddeb lil Robert Abela li għamel xhur sħaħ jargumenta kontra u jwaqqaf milli ssir Inkjesta Pubblika u spiċċa ġiegħel lill-Membri Parlamentari tiegħu jivvutaw kontriha fil-Parlament.”
//= $special ?>