Lokali

Frans Ghirxi jattakka l-aġir tat-tmexxija Laburista

Il-Laburisti ġenwini jinsabu mnikktin, irrabbjati, diżappuntati. Jinsabu f’din is-sitwazzjoni għaliex ir-riżlultati taż-żewġ surveys ippubblikati fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet ma kienux sajjetta fil-bnazzi għaliex jafu li ilhom ġejjin twissijiet imma min għandu jagħti widen, ma tax.

Sostna dan l-eks Editur tal-ġurnal L-orizzont Frans Ghirxi permezz ta’ artiklu ppublikat fil-gazzetta it-Torċa – hekk kif insista li d-Deputati Laburisti u l-bqija tal-Membri tal-Kabinett flimkien mal-Kunsilliera Laburisti u l-amministrazzjoni tal-Partit tal-Labour għandhom imorru quddiem mera u ma jinħbew wara ebda subgħa.

Dan id-diskors juri kemm verament il-Partit Laburista spiċċa frammentat taħt it-tmexxija ta’ Robert Abela, b’mexxej li jinsab maħkum minn paniku assolut tant li spiċċa jitkellem fuq ir-radju tal-Labour tliet darbiet f’temp ta’ ġimgħa biex jiprova jasal għand l-aktar sostenituri Laburisti akkaniti…partitarji li ma jirrelataw xejn mal-ħajja li kien u għadu jgħix Abela. Dan hekk kif huwa meqjus bħala parti mill-elite tal-Labour u li ma jħossx il-polz soċjalista.

Frans Ghirxi insista li hu Laburist b’konvinzjoni u mhux b’konvenjenza u li ilu jappella lit-tmexxija tal-Partit Laburista; iżda l-għajta tiegħu hija waħda fix-xagħri….u mhux qed tingħata widen minn Prim Ministru li bħalissa jinsab ‘holiday mode’.

Dan kien espress ukoll f’forma ta’ tpinġija fuq żewġ ġurnali tal-Ħadd.

Il-gazzetta il-mument uriet lill-Prim Ministru Robert Abela jlebbet ‘l hemm fuq id-dgħajsa tiegħu waqt li tfajla mitlufa fid-dlam taqra l-kotba għad-dawl tal-lampa tal-gass – għax hekk qaltilha tagħmel il-Ministru Julia Farrugia Portelli – biex meta jinqata d-dawl tieħu paċenzja u taqra ktieb sakemm jiġi lura.

Dan filwaqt li l-gazzetta Illum uriet lill-istess Robert Abela jappella liċ-ċittadin li l-problemi u l-kriżijiet li qed iħabbat wiċċu magħhom pajjiżna …huma kollha kaġun tal-klima u mhux tal-Gvern. Dan filwaqt li warajh, fl-isfond, naraw gżira li tirrafigura lill-Malta – fgata bil-bini, nies, karozzi, kostruzzjoni u tniġġis.

Din sfortunatament hi r-realta li qed ngħixu fiha – dan huwa frott il-mudell ekonomiku li Gvern Laburista addotta fl-aħħar 10 snin.