Lokali

Jason Micallef irid ‘Tema 79’ minflok l-Innu Nazzjonali

Skont Jason Micallef, il-kanzunetta Tema 79, mir-Rock Opera Ġensna, għandha tkun l-Innu Malti l-ġdid.

Din kienet l-istqarrija tal-eks Segretarju Ġenerali tal-Malta Labour Party u eks chairperson tal-midja Laburista, meta fuq Facebook sostna illi huwa jemmen li l-kapolavur ta’ kanzunetta Tema 79 – deskritta minnu nnifsu bħala mistika – għandha tkun l-innu l-ġdid ta’ pajjiżna. Għalkemm stqarr li qed jgħid dan…. b’rispett sħiħ lejn l-innu nazzjonali ta’ Dun Karm Psaila.

Jason Micallef saħaq li dan il-ħsieb ilu għal żmien twil iberren f’moħħu u sostna li r-reazzjoni tan-nies tkun xi tkun l-okkażjoni kull darba li jisimgħuha ġġibilhom ħafna emozzjonijiet u għalhekk għandha qawwa ta’ innu nazzjonali.

Fl-istess post fuq il-media soċjali, Jason Micallef staqsa lill-poplu in ġenerali jekk jaħsibhiex bħalu….iżda fil-fatt ftit li xejn hawn ħaddieħor jaħsibha bħalu. Dan hekk kif rċieva baraxx ta’ kummenti; b’uħud jisħqu li ebda nazzjon ma jbiddel l-innu ta’ pajjiżu u li jekk iseħħ dan…. ikun żball kbir.

Oħrajn sostnew li l-Innu Malti huwa parti mill-istorja ta’ pajjiżna – it-twemmin ta’ nazzjon u ta’ ġens. Dan filwaqt li kien hemm min saħansitra insista li mhux talli Malta qiegħda tiżżarma iżda issa jridu jduru u jżarmaw l-innu Malti wkoll.

Jason Micallef mhuwiex isem ġdid għall-kontroversji – fejn jispikkaw stqarrijiet li għamel tul is-snin; fosthom meta qal li l-Pjazza tan-Naxxar hija roundabout, meta dan l-aħħar prova jiddieħak bis-social workers, u meta prova jiddieħak bl-aħħar blog li kienet ippubblikat il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia qabel inqatlet.