Lokali Qorti

Jinżamm arrestat wara sejba ta’ droga

Ryan Cutajar ta’ 37 sena residenti l-Fgura nżamm arestat b’rabta ma’ akkużi fuq traffikar, importazzjoni kif ukoll pussess ta’ droga kokaina u kannabis.

Cutajar ġie arrestat il-Ġimgħa filgħaxija mal-wasla tiegħu f’Malta bil-katamaran minn Sqallija wara li tfittxija li saret mill-Pulizija rriżultat f’sejba ta’ droga.

Id-droga instabitlu fil-vann li kien qiegħed isuq u tammonta għal madwar seba’ kilogrammi ta’ droga suspettata kokaina kif ukoll 100 gramma ta’ droga suspettata kannabis. Minn investigazzjonijiet li saru rriżulta li d-droga li nstabet tammonta għal madwar €400,000 fis-suq.

Cutajar wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.

L-avukat Franco Debono li qed jidher għall-akkużat talab għall-ħelsien mill-arrest iżda l-prosekuzzjoni oġġezzjonat għal din it-talba.

Għaldaqstant il-Maġistrat Rachel Montebello ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u kien għalhekk li Cutajar inżamm arrestat. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Alfredo Mangion.

Tags