Lokali Qorti

Konfermata: sentejn ħabs għal għalliem li abbuża studenta

Il-Qorti tal-Appell ikonfermat sentenza ta’ sentejn ħabs għal għalliem ta’ 56 sena li nstab ħati li kkorrompa studenta ta’ 12-il sena.

Fi Frar li għadda l-għalliem li ismu ma jistax jixxandar b’ordni tal-Qorti, nstab ħati u ġie kkundannat sentejn ħabs filwaqt li kien ordnat li jħallas €896 fi spejjeż.

Barra minn hekk, l-għalliem tpoġġa wkoll taħt ordni ta’ trattament għal tliet snin.

Huwa appella s-sentenza u ċaħad li kien preżenti fl-iskola fejn allegatament seħħ ir-reat. Huwa qal li dak il-ħin kien post ieħor u żied jgħid li x-xhieda tal-allegatament vittma ma kinitx affidabli.

Il-Qorti tal-Appell, ippreseduta mill-Imħallef Edwina Brincat, qieset kif fis-16 t’April tal-2018 daħal rapport li waqt il-ħin tal-iskola l-għalliem tal-arti tagħha qabdila l-warrani tliett darbiet waqt free lesson.

Il-qorti nnotat li l-unika prova b’saħħitha hija xhieda tal-minuri u li minkejja li l-għalliem qal li kien post ieħor, fid-dokumenti m’hemmx indikazzjoni li l-għalliem ħa permess sabiex jitlaq mill-iskola għal xi ħin.

Il-Qorti qalet li l-Ewwel Qorti kienet korretta fis-sentenza tagħha u kien għalhekk li s-sentenza ġiet ikkonfermata.