Internazzjonali

L-Ukrajna: Putin juri ruħu dispost għall-paċi…iżda jinsisti dwar ‘il-kundizzjonijiet’

Il-President tar-Russja, Vladimir Putin, wera ruħu dispost għall-taħditiet ta’ paċi mal-Ukrajna iżda għamilha ċara wkoll li ma jista’ ikun hemm l-ebda waqfien mill-ġlied fl-artijiet tal-Ukreni dment li l-Armata tal-President Volodymyr Zelensky tkompli bl-offensiva biex taħtaf lura l-kontroll fl-ibliet tal-Ukrajna li għadhom okkupati mill-qawwiet tal-Kremlin.

Putin żvela l-ħsibijiet tiegħu wara laqgħat li kellu f’San Pietruburgu mal-Mexxejja tal-kontinent Afrikan u, waqt kummenti lil-ġurnalisti, qal li l-inizjattivi mill-pajjiżi Afrikani u ċ-Ċina kapaċi ‘il quddiem iservu bħala bażi għall-paċi.

Sadanittant, ftit wara l-kummenti ta’ Putin, żewġ bini tal-uffiċini f’Moska ġarrbu l-ħsarat waqt attakk bid-drones tal-Ukreni. Fl-istess ħin, it-titjiriet spiċċaw sospiżi għal żmien mill-Ajruport ta’ Vnukovo li jinsab lejn il-lbiċ miċ-ċentru ta’ Moska, bir-rapporti jirreferu għal numru żgħir ta’ midruba fl-attakk.

L-Ukrajna baqgħet ma kummentatx dwar l-inċident bid-drone li anki kkaġuna xi nirien fl-inħawi speċifiċi ta’ Moska.  Dan meta l-Ukreni, l-istess bħar-Russi, qed jagħmluha ċara li mhumiex se jissieħbu f’negozjati għall-paċi mingħajr ma jkunu fissati ċerti kundizzjonijiet minn qabel.

L-Ukrajna qed tirrifjuta ċar u tond li ċċedi t-territorji okkupati lir-Russja, waqt li Moska qed tinsisti li l-Ukreni għandhom jaċċettaw ‘ir-realtà territorjali ġdida fl-Ukrajna’. Dan, 17-il xahar wara li r-Russja invadiet lill-Ukrajna u ħatfet diversi artijiet fejn in-nofsinar u l-lvant tal-pajjiż.

Min-naħa tiegħu, Putin qal li, għalissa, ma għandu l-ebda pjani biex jintensifika l-azzjonijiet militari fuq il-fronti tal-gwerra fl-Ukrajna. Hu anki defenda ruħu kontra l-kritika minn diversi sorsi li kundannaw id-determinazzjoni tiegħu li jkompli b’din il-gwerra u fejn, fost oħrajn, irrefera għal ‘elementi li qed jippruvaw jimminaw lir-Russja minn ġewwa’.

Is-summit bejn ir-Russja u l-pajjiżi Afrikani seħħ wara li l-kontinġent Afrikan, li kien jinkludi mexxejja u rappreżentanti minn seba’ pajjiżi, iltaqa’ ma’ Putin kif ukoll mal-President Zelensky matul ix-xahar li għadda.