Minn investigazzjonijiet li għamlet din il-gazzetta Il-Mument jirriżulta li l-Gvern ta’ Robert Abela, baxx baxx u mingħajr ħadd ma kien infurmat, neħħa kompletament il-Kumitat Konsultattiv għan-Nofsinhar ta’ Malta.
Sorsi fakkru kemm kien sar ftaħir u kemm kien ġie dikjarat mill-Gvern Laburista ta’ Joseph Muscat li se tingħata attenzjoni għan-Nofsinhar ta’ pajjiżna. Fakkru wkoll kemm saru konferenzi tal-aħbarijiet u pompa dwar dan. U fakkru wkoll fil-wegħdiet fiergħa u bla sustanza mimlijin arja li saru. “Kemm konna impressjonati dakinhar meta l-Gvern Laburista kien jinvesti f’tant duħħan u propaganda qarrieqa biex illum qed jirriżulta li dak kien kollu daħk fil-wiċċ.”
Wara sitt snin ta’ diżastri wieħed wara l-ieħor, il-Gvern Laburista ta’ Robert Abela biddel u qaleb kollox ta’ taħt fuq. F’kull sena fl-Estimi Finanzjarji kienu qed jiġu dikjarati li qed jintefqu mal-€100,000 u kull darba l-istima prevista kienet taqbeż il-€170,000. Flus imħallsa fix-xejn u li minnhom il-pajjiż ma ħa gwadann ta’ xejn.
Is-sorsi infurmati li tkellmu magħna żiedu li anzi ħa l-ikbar falliment tal-Gvernijiet Laburisti fin-Nofsinhar ta’ pajjiżna. Berbaq u nefaq €3 miljun fil-Pjazza ta’ Raħal Ġdid. Pjazza li nieżla ma’ kull jum li jgħaddi. Pjazza li hija ċertifikat tal-mistħija għall-inkompetanza u t-traskuraġni.
Dan għall-fatt li qiegħed jaqa’ kollox biċċiet. It-triq sfrundat f’kull parti. Funtani ma jaħdmux bil-famuża ‘Ulied Paola’ li nkixfet mill-Eks Prim Ministru Joseph Muscat b’daqshekk ieħor pompa niexfa tiġbor iktar trab. Spazju quddiem il-Bażilika ta’ Kristu Rè mitluqa fix-xejn!
Issa wkoll wara rapport tagħna stess, il-ħajt imsejjaħ biex jimpressjona – ‘Urban Garden’ – fejn kellhom jitkabbru l-pjanti mal-ħajt li tant saru ħażin, tant ġew traskurati li issa ġie ddikjarat mill-Ministru Owen Bonnici f’Mistoqsija Parlamentari lid-Deputat Nazzjonalista Carmelo Mifsud Bonnici, li se jitneħħa kompletament.
Proġett li f’kelma waħda falla kompletament mill-bidu nett tiegħu. Proġett li jrid isir lura mill-ġdid u li għalkemm kulħadd jaf bih u kull min jgħaddi minn hemm ġarrab, iżda l-Gvern ta’ Robert Abela qiegħed jaħrab minnu. Mhux talli huwa żbaljat fil-proġett, imma huwa iktar fl-għarfien li jiddeċiedi li jrid isir mill-ġdid. Diversi Ministri Laburisti, inkluż illum Owen Bonnici, ilhom jaħarbu snin twal milli jwieġbu fil-Parlament għall-Mistoqsijiet Parlamentari li sarulhom mid-Deputat Nazzjonalista Carmelo Mifsud Bonnici dwar meta se jibda x-xogħol kif ukoll jekk dan hux se jsir almenu sal-aħħar ta’ din il-leġiżaltura. Saru diversi interventi u diskorsi dwar dan, imma l-widnejn baqgħu torox u l-Gvern ta’ Robert Abela li jiftaħar li jisma’… fil-fatt baqa’ ma semax.
Imma issa l-pożizzjoni nbidlet iktar. Minn Mistoqsija Parlamentari 10479 li saret mill-istess Deputat Nazzjonalista, issa jidher li l-Ministru Aaron Farrugia huwa dak li se jkollu jidħol għax-xogħlijiet u jġorr huwa d-dnubiet koroh u ħoxnin tal-passat. Il-Ministru ddikjara li “l-istudji u t-testijiet qed jiġu konklużi għall-azzjonijiet segwenti mir-rakkomandazzjonijiet li jiżviluppaw.”
Minn dan jidher ċar kif ikkonfermajna minn sorsi oħra infurmati sew, li l-Kumitat li tant sar ftaħir bih ġie xolt u l-karti tiegħu l-Ministru Bonnici għaddihom lill-Ministru Aaron Farrugia. Ħadd ma jaf jekk din kinitx deċiżjoni Ministerjali jew tal-Kabinett.
Il-fatt jibqa’ li minn April tal-2015, meta tħabbar il-proġett sal-lum, ħlief flus fix-xejn ma ntefqux u l-ħtiġijiet tar-residenti ġew traskurati. Carmelo Mifsud Bonnici, kuntattjat minn Il-Mument, fisser li: “Dan hu proġett li meta tistudjah sew tinduna li huwa tal-mistħija. Dan hu proġett li fih xejn ma sar sew. Intefqu flejjes kbar fih u issa anki l-istess Kumitat li kellu r-responsabbiltà tiegħu, tneħħa.
“Il-fatti jibqgħu li kulħadd jaf li kollox irid isir mill-ġdid imma l-Gvern flok qed jibda, qiegħed minflok ikompli jtawwal. Determinat li nibqa’ naħdem biex l-affarijiet isiru sewwa.”
//= $special ?>