Tkompli tidher il-frammentazzjoni tal-Partit Laburista taħt it-tmexxija ta’ Robert Abela. Dan hekk kif il-Ħadd filgħodu l-issa Membru Parlamentari Indipendenti, Rosianne Cutajar, ħasset li kellha tesprimi d-dispjaċir tagħha għal fatt li l-aħbarijiet tal-media Laburista ONE News ma tawha ebda attenzjoni fil-bulettin tal-aħbarijiet.
Hija saħqet li meta kitbet li kien hemm min ħadem kontriha li kienu se jaqgħu fil-muta ċertament ma kinitx qed taħseb dwar l-aħbarijiet tal-Labour. Filwaqt li saħqet li din suppost kienet aħbar tajba għall-Partit Laburista – insistiet li forsi fil-verità kienet aħbar ħażina għal min xewwex kontriha u uża kull skuża sabiex warraba mill-Partit.
Dan filwaqt li ħeġġet lil-Laburista “bħalha” sabiex jitkellmu huma wkoll.
Dan kollu juri l-qasma li hemm fi ħdan il-Partit immexxi minn Robert Abela – b’eks Deputat Laburista tħeġġeġ lill-partitarji iwaslu leħinhom fil-konfront tat-tmexxija.
Dan hekk kif ftit tal-jiem ilu Rosianne Cutajar ħabbret li d-dipartiment tat-taxxa ma sabet ebda nuqqas dwar is-senserija b’rabta mal-proprjetà tal-Imdina li fiha kellu x’jaqsam ħadd ħlief in-negozjant Yorgen Fenech.
Hija saħqet li dan il-kapitlu swielha l-karriera politika – madanakollu dan id-diskors juri biċ-ċar li Rosianne Cutajar xorta waħda għaliha ma għamlet xejn ħażin meta – konxja li Yorgen Fenech kien sid tal-kumpanija 17 Black baqgħet tikkorrispondi miegħu b’messaġġi kompromettenti – kif ukoll marret fil-Parlament Malti u fl-Ewropa taqbeż għalih u tattakka lil kull min kien jikkritikah….b’kunflitt ta’ interess qawwi.
Fejn permezz ta’ tali aġir ma kinitx iġġib l-interessi tal-pajjiż l-ewwel, bħal ma kienet suppost qed iġġib skont il-kariga tagħha, iżda l-interessi tal-ħabib tagħha.
Kien għal dawn ir-raġunijiet li NGOs, membri tas-soċjetà ċivili, ġurnalisti u l-Partit Nazzjonalista kienu jistaqsu lil Robert Abela għalfejn kien qiegħed idum sabiex jieħu passi fil-konfront ta’ Rosianne Cutajar.
Passi li bħal ma seħħ dejjem taħt it-tmexxija ta’ Abela…kienu ttieħdu bit-tkaxkir tas-saqajn.
//= $special ?>