Lokali

Tony Zahra jgħid li “Malta għaddejja minn kriżi kbira”

Malta għaddeja minn kriżi serja u jekk pajjiżna jibqa sejjer f’din id-direzzjoni ser jaffaċja problemi kemm fl-infrastrutura u anke f’dak li għandu x’jaqsam mal-kwalità tas-settur turistiku.

Hekk stqarr mal-gazzetta ILLUM il-President tal-MHRA Tony Zahra, illi spjega li l-mudell ekonomiku li qed jadotta l-Gvern, fejn qed jiġu impurtati ħaddiema bla waqfien akkost ta’ kollox biex illaħħaq mad-domanda … mhuwiex mudell sostenibbli.

Ftit jiem ilu, l-MHRA tkellmet fit-tul dwar tliet problemi li qed ikunu ta detriment għar-reputazzjoni ta’ pajiżna u għat-turiżmu.

L-ewwel problema li tkellmu dwarha l-MHRA kienet l-indafa f’pajjiżna, fejn innutaw li minħabba żieda enormi fil-popolazzjoni qed jiġi innutat aktar ħmieġ fil-pajjiż u anke telqa. Tony Zahra qal li dan huwa inaċċetabbli, u jekk il-Gvern jixtieq li Malta tibqa’ attrazjoni turistika, jrid jieħu azzjoni b’mod urġenti.

Ix-xogħlijiet marubta mal-kostruzzjoni u l-infrastrutura, huma it-tieni problema li tissemma’ mill-MHRA, fejn l-assoċjazzjoni qalet li dawn ix-xogħlijiet qed jagħmlu lil Malta sit ta kostruzzjoni permanenti; fejn l-ebda triq u lokalita’ m’hi ħielsa mill-kostruzzjoni.

It-tielet problema tiffoka fuq il-fatt li s-settur tar-ristoranti u l-lukandi ħa daqqa kbira minħabba l-qtugħ tad-dawl, u bosta ristoranti u lukandi sofrew minn ħsarat li jammontaw għall-eluf ta’ewro.

In-nuqqas fil-provista’ tal-eletriku għamlet ukoll ħsara lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna, fejn kien hemm turisti li kellhom saħansitra jħassru bookings li kienu għamlu.

Mal-gazzetta ILLUM, Tony Zahra irrefera għar- rapport ikkumissjonat mil-MHRA dwar is-settur turistiku -, rapport li kien jgħid li sabiex jimlew 80% tas-sodod fil-lukandi eżistenti u anka dawk li għadhom qed jinbnew, Malta għanda bżonn 4.7 miljun turist fis-sena.

Zahra innota wkoll kif is-sitwazzjoni tad-dranaġġ f’postijiet bħal Buġibba u San Pawl il-Baħar, diġa’ qegħda fi stat ħażin, b’mod speċjali fiż-żmien tas-sajf – propju minħabba dawn in-numri kbar ta’ persuni.

Huwa minħabba dawn l-isfidi illi qal li s-settur turistiku ma għandux jiddependi fuq il-kwantita imma fuq il-kwalita; sentiment li jaqsmu wkoll bosta assoċjazzjonijiet oħra.