Lokali

Alfred Sant jgħid li hemm bżonn jittieħdu l-miżuri neċessarji

“Nemmen li wasal iż-żmien li jittieħdu l-miżuri neċessarji bħal ma ttieħdu matul il-kriżi finanzjarja ta’ bejn l-2008-2012 sabiex intejbu l-infrastruttura ta’ pajjiżna.”

Din hija l-opinjoni espress mill-MEP Laburista Alfred Sant, f’artiklu ppubblikat fil-gazzetta the Malta Independent, fejn tenna li għandhom isiru stress tests bħal ma kienu ġew imfassla minn Gvern Nazzjonalista fl-2008 sabiex ġiet miġġielda l-krizi fiannzjarja.

Dan hekk kif fl-aħħar jiem pajjiżna kien għaddej minn kriżi oħra bla preċedent, fejn għal jiem sħaħ eluf ta’ familji Maltin u Għawdxin spiċċaw iqattgħu l-aktar ġranet sħan tas-sajf fis-sħana u bla dawl.

Konsegwenza ta’ dan, ħafna ikel spiċċa mormi, bosta ħwienet kellhom jagħlqu għaliex kienu bla dawl, u ristoranti kellhom iwaqqgħu l-bookings tal-klijenti tagħhom. Dan apparti li l-qtugħ fil-provvista tal-enerġija affetwa direttament anke l-isptarijiet.

Fl-aħħar ġimgħa ġew preżentati 9 proposti mill-PN sabiex jissaħħaħ is-settur tal-enerġija u d-distribuzzjoni tal-elettriku.

Dawn jinkludu: investiment fin-network tad-distribuzzjoni tad-dawl lejn id-djar tal-familji u n-negozji, sistema li tanalizza zoni fejn hemm vultaġġ baxx u x-xejriet tal-konsum, tkun imposta rata ta’ disponibbilta tal-elettriku, issir revizjoni fil-process tal-procurement tal-Enemalta, incentivi għal binjiet b’livell għoli ta’ efficjenza fl-enerġija, incentivi biex soqfa ta’ binjiet tal-Gvern jintużaw għall-ġenerazzjoni ta’ enerġija alternattiva, installazzjoni ta’ batteries biex tissaħħaħ il-qawwa tal-grid nazzjonali, jiddaħħlu rati orħos għall-ħinijiet off-peak, u li jkun liberalizzat is-suq tad-distribuzzjoni tal-enerġija.

Il-Partit Nazzjonalista qiegħed isostni li dawn il-proposti huma kruċjali sabiex il-pajjiż jimxi ‘l quddiem min din il-kriżi… filwaqt li dawk kollha li gew affetwati minn din il-kriżi għandhom jiġu ikkumpensati b’mod awtomatiku.