Sport Sport Ieħor

Blackball: Ryan Pisani jirbaħ it-tielet ranking tournament personali

Ryan Pisani rebaħ is-sitt ranking tournament organizzat mill-Federazzjoni Maltija tal-Blackball sabiex kiseb it-tielet success tiegħu f’dawn il-kompetizzjonijiet. Aktar qabel Pisani rebaħ ir-raba’ u l-ħames ranking tournament sabiex kompla bis-serje pożittiva tiegħu dan l-istaġun.

Pisani għeleb lil Miguel Mizzi 10-6 fil-finali f’logħba interessanti sabiex laħaq ir-rekord tal-plejer Lydon Debono li wkoll kien rebaħ tliet ranking tournaments fis-sena 2019.

Fil-finali ta’ taħt it-23 sena, id-debuttant Casdy Vella għeleb lil Clydon Attard 9-8 f’finali miftuħa għal kull riżultat.

Fil-finali tas-seniors ta’ l-fuq minn 40 sena, Kevin Schembri għeleb lil Chris Tabone 10-7 filwaqt li Chris Mills kiseb titlu Masters ta’ l-fuq minn 50 sena wara li għeleb 10-3 lil Edmond Fenech.

Il-finali Grandmasters l-fuq minn 60 sena Alfred Micallef rebaħ 8-2 wara li għeleb lil Joe Chetcuti.

Ir-ranking tournament li jmiss jibda fit-22 t’Awwissu sabiex aktar plejers jiksbu post fil-kategoriji rispettivi tat-tim nazzjonali Malti.