Lokali

€1,200,000 ta’ bastimenti ta’ Infurzar Maritimu mitluqin taħt tinda – PN

Mill-ħażin għall-agħar is-sitwazzjoni tal-infurzar marittimu fi Transport Malta

Il-Partit Nazzjonalista jesprimi d-diżappunt tiegħu għas-sitwazzjoni fi Transport Malta, fejn ħames bastimenti ġodda tal-infurzar li nxtraw b’sejħa għall-offerti għal aktar minn €900,000 u li kienu ċċertifikati li ma jistgħux ibaħħru, issa sirna nafu li tħallew taħt tinda wara li ntbagħtu lura mit-tiswijiet li swew madwar €1,200,000 u xorta ma jistgħux jintużaw.

Fi stqarrija ppubblikata minn Ivan Castillo, id-deputat tal-PN u Kelliem għas-Settur Maritimu u x-Xogħol sostna li dawn huma bastimenti ġodda fjamanti, ’RIBS’ ER1 sa ER5, li għadhom kif inxtraw minn Transport Malta, iżda li m’humiex kompatibbli mal-ispeċifikazzjonijiet tat-tender anke wara t-tiswijiet.

Barra minhekk, it-18-il uffiċjal tal-infurzar marittimu li jridu jagħmlu xogħolhom tħallew jaħdmu b’żewġ bastimenti qodma ER8 u ER11, b’dan tal-aħħar (ER11) hu difettuż u mhux jintuża u għalhekk, l-infurzar marittimu kollu tal-ibħra tagħna qed isir b’bastiment wieħed biss f’Malta, Għawdex u Kemmuna. Jidher ukoll li ż-żewġ ’RIBS’ qodma (ER8 u ER11) kienu joperaw mingħajr liċenzja u reġistrazzjoni.

Dan hu inaċċettabbli u, għalkemm il-Partit Nazzjonalista talab biex issir investigazzjoni interna indipendenti, s’issa l-ebda persuna responsabbli mit-tender ma nżammet responsabbli ta’ dan kollu. Għal xi raġuni, it-tender għall-ħames ’RIBS’ inħareġ tliet darbiet u tħassar darbtejn sakemm offerent mixtieq kien approvat. Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista qed jitlob ukoll li l-Awditur Generali, li qed jinvestiga dan il-każ, biex jinkludi fir-rapport tiegħu r-raġuni li t-tender tħassar l-ewwel darbtejn, kif ukoll jekk il-bastimenti qattx kienu skond il-kriterja tat-tender.

Il-Partit Nazzjonalista jagħraf l-importanza tal-infurzar marittimu u s-sigurtà fuq il-baħar u li dan m’għandux ikun biss eżerċizzju ta’ PR, iżda wieħed attwali. Malta ma tistax tkun infurzata b’bastiment wieħed, li qed iwettaq ukoll operazzjonijiet oħrajn minbarra l-infurzar li jħalli l-baħar ta’ Malta, Għawdex u Kemmuna waħedhom. Dan hu riskju għas-sikurezza, fejn jekk iseħħ inċident, jista’ jirriżulta fl-għeluq tal-portijiet tagħna u f’kaos sħiħ, kemm loġistikament kif ukoll ekonomiku, jew agħar minnhekk saħansitra fatalitajiet.

Il-Partit Nazzjonalista jżomm lill-Gvern responsabbli biex jara li din is-sittwazzjoni tkun rimedjata mill-aktar fis possibli u biex jiżgura li r-riżultati ta’ din l-investigazzjoni jsiru pubbliċi għax dawn inxtraw minn flus il-poplu, kif ukoll għal kull ħsara li tkun riżultat ta’ din is-sitwazzjoni. Il-Partit Nazzjonalista se jkompli jsegwi din is-saga u se jassigura li ma ssir l-ebda pressjoni fuq xi persuna biex toħroġ ċertifikat ta’ “seaworthy complience” minħabba li din hi kwistjoni ta’ sigurtà tal-ħaddiema u sigurtà nazzjonali.