Mijiet ta’ żgħażagħ Maltin u Għawdxin ħallew pajjiżna sabiex flimkien ma’ eluf ta’ żgħażagħ oħra minn madwar id-dinja jipparteċipaw mal-Papa Franġisku fil-Jum Dinji taż-Żgħażagħ.
Dan hekk kif bejn it-2 u s-6 ta’ Awwissu se jkun qiegħed jiġi organizzat is-37 edizzjoni tal-Jum Dinji taż-żgħażagħ f’Lisbona. U minn pajjiżna se jkun hemm 565 żagħżugħ u żagħżugħa.
Il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ hija laqgħa internazzjonali għaż-żgħażagħ kollha fejn flimkien mal-Papa Franġisku jiċċelebraw iż-żgħożija, il-fidi tagħhom f’Ġesù, u jaqsmu l-aspirazzjonijiet għall-ġejjieni permezz ta’ attivitajiet spiritwali u soċjali. Il-Papa Franġisku se jieħu sehem fl-attivitajiet ewlenin li jinkludu ċ-ċerimonja tal-ftuħ, il-via crucis tradizzjonali, il-velja ta’ billejl u l-quddiesa tal-għeluq.
Net News tkellem mal-Isqof Anton Teuma fejn qalilna illi n-numru sabiħ ta’ żgħażagħ Maltin u Għawdxin li se jgħixu din l-esperjenza huwa sinjal ta’ tama għall-Knisja f’pajjiżna.
Net News tkellem ukoll ma’ diversi żgħażagħ li kienu l-ajruport lesti għal din l-opportunità unika fejn spjegawlna li l-aħħar xhur tħejjew diversi attivitajiet bi preparazzjoni għal dan l-avveniment, kemm għaż-żgħażagħ li sejrin Lisbona kif ukoll għal dawk li se jsegwu ċ-ċelebrazzjoni minn Malta permezz tal-involviment tagħhom fil-gruppi u l-komunitajiet tagħhom.
Il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ twaqqaf mill-Papa San Ġwanni Pawlu II fl-1983.
Din hija r-raba edizzjoni li se jkun qiegħed imexxi l-Papa Franġisku wara l-edizzjonijiet ta’ Rio de Janeiro fil-Brażil, Krakow fil-Polonja u Panama City.
//= $special ?>