Internazzjonali

Il-Libanu: Mejtin u midruba waqt il-battalji f’kamp tar-refuġjati

Il-kamp ta’ Ein el-Hilweh għar-refuġjati Palestinjani, fl-aħħar sigħat, kien iċ-ċentru għall-battalji ħorox bejn il-membri tal-moviment Fatah tal-President Palestinjan Mahmoud Abbas u ġellieda rivali mal-gruppi Iżlamiċi li qed jikkontrollaw sezzjonijiet ta’ dan il-kamp.

Il-ġlied, li beda fi tmiem il-ġimgħa, kompla għat-tul taż-żmien fost rapporti li nqatlu ‘il fuq minn għaxra,  b’oħrajn jisfaw midruba – uħud kritikament. Fost il-midruba jidher li hemm ukoll xi suldati Lebaniżi u meta l-mejtin jinkludu lill-Kap tal-moviment Fatah, identifikat bħala Ashraf al-Armouchi, u diversi mill-kollaboraturi tiegħu.

U għalkemm fl-aħħar sigħat sar ftehim għal waqfien mill-ġlied temporanju, jidher li żbruffaw xorta waħda l-isparaturi f’diversi bnadi tal-kamp – b’għexieren ta’ residenti jaħarbu lejn inħawi aktar sikuri.

Bħalissa għaddejjin in-negozjati biex it-tensjoni tonqos, bil-Moviment Fatah jikkundanna ‘ir-reati ta’ persuni kodardi li jridu jnaqqsu mis-sigurtà u l-istabbilità fil-kampijiet għall-Palestinjani fil-Libanu’.

L-Awtorità Palestinjana ta’ Abbas qalet ukoll li mhix se tippermetti li elementi estremisti jipperikolaw il-ħajja ta’ ċivili innoċenti f’dawn il-kampijiet.