Ekonomija Lokali

Il-prezzijiet f’Malta jibqgħu ogħla mill-medja taz-Zona Ewro

Statistika maħruġa llum mill-Eurostat turi li l-inflazzjoni f’pajjiżna baqgħet ogħla mill-medja tal-pajjiżi fiz-Zona Ewro. Biċ-ċifri għax-xahar ta’ Lulju jindikaw illi l-għoli tal-ħajja f’Malta u l-piż tal-prezzijiet huwa ferm agħar f’pajjiżna meta kkumparat ma’ pajjiżi oħra bħall-Olanda, Ċipru, Franza u Spanja. Dan filwaqt li anke l-Belġju, il-Fillandja, il-Portugall, il-Greċja u l-Irlanda għandhom inflazzjoni li tinsab ferm aktar taħt kontroll – b’rati li huma anqas minn ta’ Malta fejn jidħol l-għoli tal-prezzijiet.

Skont iċ-ċifri uffiċjali ppubblikati llum mill-Eurostat, l-inflazzjoni f’Malta tinsab fil-livell ta’ 5.7 fil-mija. U għalkemm din hi rata kemmxejn inqas minn Lulju ta’ sena ilu, xorta tikkonferma li l-prezzijiet għadhom għoljin immens. Dan qed iwassal għal piżijiet kbar fuq il-familji u l-ħaddiema, kif ukoll żgħażagħ u anzjani li ta’ kuljum qed ikollhom jaffaċjaw il-piż tal-għoli tal-ħajja.