L-id il-leminija tad-Deputat Prim Ministru Chris Fearne, Carmen Ciantar, qed tgħid li se tirritorna fit-tmexxija tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi (FMS) wara li fi kliemha stess hi rebħet “kontra l-pjan tal-ħażen u tal-forzi moħbija tad-dlamijiet”.
Sa issa għadu mhux ċar x’tip ta’ deċiżjoni kien hemm fil-konfront ta’ Ciantar, u minn fejn ħarġet din id-deċiżjoni. U kienet hi stess li bagħtet email lill-media biex tħabbar li se tirritorna fl-FMS wara li hi stess kienet issospendiet ruħha.
Mistoqsijiet mibgħuta dalgħodu minn Net News baqgħu mhux imwieġba.
Din is-saga kollha kienet bdiet wara li gazzetta fil-Pakistan irrapportat allegat tixħim li kien jinvolvi lilha u lil kumpanija li hi qrib il-Vitals Global Healthcare. Ciantar qed tibqa’ tinsisti li hi kienet sempliċi vittma ta’ kampanja maħmuġa biex tkisser ir-reputazzjoni tad-Deputat Prim Ministru Chris Fearne.
Fl-aħħar ġimgħat ġie rrapportat ukoll – din id-darba fuq sit Belġjan – li Russu li xtara ċ-ċittadinanza Maltija ħallas aktar minn tlett miljun ewro lil bint l-istess Carmen Ciantar, bħala allegat kickback lil ħadd ħlief Chris Fearne. Madanakollu din l-aħbar ftit tas-sigħat wara ġiet imħassra.
Aktar dettalji fil-ħin li ġej.
//= $special ?>