Internazzjonali

L-Ukrajna: Omm u tifla fost il-vittmi ta’ attakk fuq il-belt ta’ Zelensky

 

Talanqas tmien persuni, fosthom omm u bintha ta’ għaxar snin, tilfu ħajjithom meta missila sparata mill-qawwiet tar-Russja laqtet zona residenzjali f’Kryvyi Rih – il-belt fejn trabba l-President Ukren Volodymyr Zelensky.

Il-Ministeru għall-Intern tal-Ukrajna, ftit tal-ħin ilu, ikkonferma li ‘il fuq minn 70, fosthom 25 tfal, spiċċaw midruba, uħud serjament, wara li numru ta’ missili laqtu direttament lil bini tal-appartamenti fil-belt partikulari. Dan ukoll waqt li missili oħra laqtu bini tal-università fl-istess zona.

Il-Gvernatur reġjonali Serhiy Lysak iddikjara jum ta’ luttu għall-maqtula li saru l-aħħar vittmi tal-gwerra indiskriminattiva ta’ Vladimir Putin fuq il-poplu ċivili tal-Ukrajna.

Din mhix l-ewwel darba li l-belt ‘ta’ Zelensky’ spiċċat mira għall-attakki tar-Russi u li fihom inqatlu dejjem numru ta’ residenti ċivili.

Intant, għexieren ta’ nies, fosthom tfal bejn l-4 u s-17-il sena, iddaħħlu l-isptar b’urġenza fejn qed ikunu trattati għall-ġrieħi li ġarrbu fl-aħħar attakk fuq Kryvyi Rih.