Internazzjonali

L-Ukrajna: Zelensky iwissi lil Putin li r-Russja trid iġġarrab l-effetti inevitabbli tal-gwerra

Il-President Ukren Volodymyr Zelensky wissa ċar u tond lill-President Russu Vladimir Putin li l-gwerra qed tavviċina dejjem aktar il-qalba ta’ Moska.

Hu għamilha ċara li – wara sena u nofs ta’ gwerra fl-Ukrajna – l-attakki ta’ ritaljazzjoni fuq it-territorji tar-Russja issa saru xi ħaġa ‘inevitabbli, naturali u element mistenni ta’ konflitt aħrax bejn żewġ pajjiżi’.

Ftit hemm dubju li l-attakk bid-drones ta’ nhar il-Ħadd fuq il-bini fiċ-ċentru ta’ Moska tmexxa mill-qawwiet Ukreni — anki jekk il-Gvern fi Kiev mhux qed jagħti wisq dettalji dwar l-azzjoni. Intant, l-awtoritajiet Russi qalu li kienu waqqgħu talanqas tliet drones qabel numru ta’ drones oħra baqgħu deħlin direttament f’żewġ bini tal-uffiċini fil-belt kapitali.

L-azzjoni bid-drones wasslet ukoll għall-għeluq tal-ajruport ta’ Vnukovo, lejn il-lbiċ miċ-ċentru ta’ Moska. Intant, l-attakki fuq il-kapitali u l-artijiet l-oħra tar-Russja qed iġiegħelu lill-uffiċjali fil-Kremlin jheddu mill-ġdid dwar ‘id-dritt li jirrikorru għall-armi nukleari f’każ li r-Russja tispiċċa f’sitwazzjoni impossibbli’.

It-theddid mill-Kremlin  qed jiżvela stat ta’ paniku fost it-Tmexxija tar-Russja u l-President Ukren Zelensky, waqt messaġġ b’videolink mill-belt ta’ Ivano-Frankivsk, jinsisti li l-Ukrajna ‘qed issir aktar b’saħħitha minn aspett militari…Ħaġa li tawgura tajjeb ferm għall-prospetti tagħha f’din il-gwerra.

Fid-diskors, Zelensky fakkar li l-hekk-imsejħa ‘Kampanja Militari Speċjali’ ( kif qed tirreferi għaliha Moska) fl-Ukrajna issa qabżet il-520 jum mindu Vladimir Putin kien tenna b’konvinzjoni li ‘l-Ukrajna kellha ċċedi fi spazju ta’ ġimgħatejn’.

Il-President Zelensky kompla, b’ton determinat, li ‘il-gwerra gradwalment qed tinfiltra aktar ‘il ġewwa fir-Russja’ waqt li enfasizza li l-bażijiet militari u ċ-ċentri simboliċi ta’ dan il-pajjiż huma mira leġittima wara li l-Ukreni ilhom ix-xhur isofru l-attakki indiskriminattivi fuq l-ibliet tagħhom.

Il-diskors ‘aktar aggressiv mis-soltu’ ta’ Zelensky hu kuntrast mal-politika tal-aħħar xhur fejn il-Gvern Ukren dejjem żamm lura milli jammetti responsabbiltà għall-attakki fuq l-artijiet tar-Russja.

U l-osservaturi barranin qed jaqblu li għalkemm Zelensky ma assummiex formalment ir-responsabbiltà għall-attakki bid-drones, il-Mexxej Ukren, illum, qed jidher kunfidenti biżżejjed biex, b’mod verbali, iżid il-pressjoni fuq ir-Russi, il-Kremlin u Vladimir Putin innifsu.