Għal snin twal, il-Gvern iddefenda dawn il-kuntratti frawdolenti. Wara li nqatgħet is-sentenza, il-Gvern induna li politikament ma kienx jaqbillu jibqa’ jiddefendihom u għalhekk għamel u-turn oħra billi ingħaqad mal-pożizzjoni ta’ Adrian Delia, kif messu għamel mill-bidunett. Il-u-turns qed isarrfu fi tbatija lill-poplu u f’dan il-każ f’mijiet ta’ miljuni.
Dan kien il-messaġġ tal-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia wara li dalgħodu kompla jinstema’ l-Appell għall-kawża li biha il-poplu Malti u Għawdxi rebaħ lura t-tliet sptarijiet pubbliċi li l-Gvern tal-Labour ta lil tal-Vitals umbagħad lil ta’ Steward. Fis-seduta tal-lum, il-partijiet ippreżentaw l-argumentazzjonijiet tagħhom qabel is-sentenza finali fit-23 ta’ Ottubru li ġej.
Adrian Delia qal li dakinhar, mistennija jkollna b’mod konklussiv u definittiv il-ħelsien minn dan il-kuntratt frawdolenti, filwaqt li nibdew paġna ġdida u nikkonċentraw biss fuq kif se nġibu l-flejjes lura u min hu responsabbli. Staqsa x’se jagħmel il-Gvern u min se jerfa’ r-responsabbiltà, fosthom għall-€400 miljun li t-taxpayers tagħna qed jippretendu li jieħdu lura.
Fil-Qorti rriżulta li l-Gvern qatt ma tah xi notice lil tal-Vitals u ta’ Steward, minkejja li kien jaf li dawn ma għamlu xejn minn dak miftiehem. U issa, uffiċjali ta’ Steward stess qed jinnotaw kif il-Gvern telaqhom. Min-naħa l-oħra, mhux biss ħadd mill-Gvern ma għadu refa’ responsabbiltà, iżda issa kważi jrid jieħu l-mertu għal dak li ddikjarat il-Qorti.
Il-poplu qed jinnota li, li kieku ma nfetħitx din il-kawża, din l-akbar frodi għadha għaddejja sal-lum.
//= $special ?>