Mohamed Ali Ahmed Elmushraty, magħrufa bħala “Lilu l-King” li qed jiġi mixli b’ħasil ta’ flus, evażjoni tat-taxxa u parteċipazzjoni fil-kriminalità organizzata li tinvolvi t-traffikar tad-droga, kien jgħix ħajja ta’ lussu kbira fejn kien jonfoq eluf ta’ ewro dejjem bi flus kontanti.
Dan ħareġ mix-xhieda li ngħatat fil-Qorti t-Tnejn filgħodu meta kompliet il-kumpilazzjoni fil-konfront tiegħu. Elmushraty ta’ 31 sena qed jiffaċċja wkoll akkużi oħra relatati ma’ ksur tal-kundizzjonijiet tal-pleġġ u sewqan mingħajr liċenzja. Ta’ min isemmi wkoll li żewġt irġiel oħra jinsabu mixlija b’akkużi simili.
L-akkużat, magħruf bħala l-Lilu l-King, kien arrestat mill-Pulizija fir-residenza tiegħu fis-Swieqi f’operazzjoni li kienet tinvolvi tfittxijiet fi proprjetajiet diversi madwar il-pajjiż. L-ewwel xhud kien Luke Chetcuti, sid ta’ stabbilimenti f’Paceville, li qal li kien kera stabbiliment lill-akkużat f’Awwissu 2019.
Chetcuti qal li l-kuntratt kien għal 10 snin b’kirja ta’ madwar €300 kuljum fejn kien hemm ftehim li kull tliet snin il-kera kienet togħla b’10%. Qal li kien jirċievi l-parti l-kbira tal-ħlas bi transfers jew flus kontanti li b’kollox kienu madwar €50,000.
Chetcuti tenna li rċieva pagamenti sal-2022 u wara li l-pagamenti waqqfu f’salt u kien għalhekk li tellgħu l-Qorti. L-Avukat Franco Debono, li qed jidher għall-akkużat, intervjena fejn irrefera għal sistema msejħa “hawala” u qal li hija rikonoxxuta f’ħafna pajjiżi.
Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, li qed tisma’ l-kumpilazzjoni, qaltlu li f’Malta s-sistema “hawala” mhiex legali bl-Avukat Debono jwieġeb li l-Qorti ma tistax tiddikjara li l-“hawala” hija illegali għax f’ħafna pajjiżi din is-sistema hija legali. (Hawala hija metodu informali ta’ trasferiment ta’ flus mingħajr ma jiċċaqilqu xi flus fiżikament).
Wara xehed Hamdi Sherif, Libjan redidenti San Ġiljan, fejn qal li kien kera l-appartament tiegħu f’Portomaso lil wieħed jismu Mohammed għal €1,500 fix-xahar fi flus kontanti. Qal li rċieva tliet pagamenti u għalkemm għaraf lill-akkużat fl-awla, għax jafu Paceville, sostna li ma kienx il-persuna li krielu l-appartament.
Wara dan ix-xhud tela’ jixhed is-Supretendent Keith Arnaud fejn semma li s-sorsi tal-Pulizija indikaw li l-akkużat kien involut f’ċirku ta’ traffikar ta’ droga. Huwa qal li kmieni din is-sena task force bdiet issegwi lill-akkużat fejn ħareġ li dan kien jgħix ħajja lussuża meta hawn Malta ma jirriżulta li kellu xejn tant li għall-Pulizija kien qisu “ħares”.
Arnaud semma kif waqt rejd fil-propjetà tiegħu f’Portomaso nstabu ammont kbir ta’ trainers u ħwejjeġ lussużi waqt li nstabulu wkoll karozzi lussużi fosthom Range Rovers, 3 Mercedes u BMW. Meta kien mistoqsi x’jaħdem, “Lilu l-King” qallu li kellu ħanut u li kien qed jipprepara li jiftaħ stabbiliment ieħor.
Mill-investigazzjoni rriżulta wkoll li f’perjodu ta’ sitt xhur l-akkużat nefaq madwar €3,800 fi ħwejjeġ minn ħanut partikolari u dejjem ħallas fi flus kontanti. Mistoqsi mill-Avukat Franco Debono jekk l-akkużat qattx instab fil-pussess tad-droga, ix-xhud wieġeb li le u żied li ma nstabux provi diretti li kien involut fit-traffikar tad-droga anke jekk kien ikun fil-kumpanija ta’ nies li ttraffikaw id-droga.
L-Ispetturi Mark Anthony Mercieca, Alfredo Mangion u Tomjoe Farrugia qed imexxu l-prosekuzzjoni. L-avukati Antoine Agius Bonnici and Dejan Darmanin mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali fil-prosekuzzjoni ta’ Mohamed Ali Ahmed Elmushraty. L-avukati Franco Debono, Marion Camilleri and Francesca Zarb qed jidhru għall-akkużat. Il-kumpilazzjoni se tkompli fit-22 ta’ Awwissu li ġej.
//= $special ?>