Lokali

Postulatur ġdid għall-Kawża tal-Qaddej ta’ Alla Dun Mikiel Attard

B’digriet tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fit-3 ta’ Jannar 2023, Monsinjur Joseph Grech ġie maħtur Postulatur għall-Kawża tal-Beatifikazzjoni u Kanonizzazzjoni tal-Qaddej ta’ Alla Dun Mikiel Attard, saċerdot djoċesan.

Huwa ġie inkarigat li jwettaq l-uffiċċju ta’ Postulatur Ġenerali kemm għall-fażi djoċesana u kemm għal dik f’Ruma.

Bħala għajnuna, ġie maħtur ukoll Monsinjur Edward Xuereb bħala Viċi-Postulatur tal-istess Kawża.

Mons. Joseph Grech twieled in-Nadur, Għawdex fit-8 ta’ Settembru 1976. Huwa studja fis-Seminarju tal-Qalb ta’ Ġesù, mejn kiseb il-Baċellerat fit-Teoloġija. Ġie ordnat saċerdot mill-Isqof Nikol Ġ. Cauchi fl-20 ta’ Ġunju 2001. Wara l-Ordinazzjoni serva fil-Parroċċa ta’ Santa Maria del Buon Consiglio f’Ruma minn Settembru 2001 sa Settembru 2009. Waqt iż-żmien tiegħu Ruma, huwa kiseb id-Dottorat fil-Liġi Kanonika u fil-Liġi Ċivili (Utroque Iure) mill-Università Lateranensi, kif ukoll Diploma fil-Prassi Amministrattiva Kanonika, Diploma fil-Kawżi tal-Qaddisin, u Diploma fl-Arkeoloġija Sagra.

F’Settembru 2009 ġie msejjaħ biex jidħol fl-Akkademja Pontifiċja Ekkleżjastika, fejn jiġu ffurmati d-diplomatiċi tas-Santa Sede. Fil-fatt huwa daħal fis-Servizz Diplomatiku tal-Papa f’Lulju 2010. Serva fin-Nunzjatura fiż-Żambja, fil-Missjoni tas-Santa Sede għall-Ġnus Magħquda fi New York, fin-Nunzjatura fl-Ukrajna, u fil-Missjoni tas-Santa Sede għall-Organizzazzjonijiet Internazzjonali fi Vjenna. Minn Jannar 2022 huwa qed iservi fis-Segreterija tal-Istat fil-Vatikan.

Huwa għandu t-titlu ta’ Kappillan tal-Qdusija Tiegħu, kif ukoll dak diplomatiku ta’ Kunsillier tan-Nunzjatura.

Mons. Edward Xuereb twieled ix-Xewkija, Għawdex fit-12 ta’ April 1970. Huwa rċieva l-formazzjoni fis-Seminarju Minuri u Maġġuri ta’ Għawdex, u wara li ġie ordnat saċerdot fl-24 ta’ Ġunju 1995, irċieva d-Dottorat fil-Liġi Kanonika u Ċivili fl-1999, kif ukoll id-Dottorat fit-Teoloġija Mqaddsa fl-2006. Wara l-Ordinazzjoni, serva fil-Parroċċa ta’ Santa Luċija f’Ruma u fil-Parroċċa tax-Xewkija fejn trabba, sakemm mill-2004 sal-2021 kien Kappillan tal-Parroċċa tal-Għasri. Minn Settembru 2021 huwa Arċipriet tal-Parroċċa tal-Qala.

Mill-1999 sal-lum qeda diversi uffiċċji fit-Tribunal tad-Djoċesi ta’ Għawdex, fosthom bħala Vigarju Ġudizzjali mill-2007 sal-2021. Huwa wkoll visiting lecturer fis-Seminarju Maġġuri ta’ Għawdex.