Sorsi li tkellmu mal-ġurnal “In-Nazzjon” żvelaw li l-kontijiet finanzjarji tal-Kunsill Lokali tal-Mosta jinsabu fiż-żona l-ħamra waqt li l-istess Kunsill Laburista għandu defiċit li jammonta għal għexieren ta’ eluf ta’ ewro – aħbar illi ġiet ippubblikata nhar il-Ġimgħa, u li baqgħet ma ġietx miċħuda. Anzi, kien hemm skiet totali kemm minn naħa tas-Sindku tal-Mosta u anke minn naħa tal-Partit Laburista.
In-Nazzjon żvela li d-Direttorat tal-Finanzi u l-Procurement Compliance bagħat ittra lis-Sindku Chris Grech u lis-Segretarju Eżekuttiv tal-istess Kunsill Lokali sabiex iwissihom li l-Kunsill għandu bżonn li jibda jżomm strettament mal-Budget li għandu, u ma jkunx hemm infieq “mhux neċessarju”.
Fost l-akbar spejjes li qed iħabbat wiċċu magħhom il-Kunsill tal-Mosta hemm il-proġett tal-pjazza illi kellha tinkessa b’ħafna konkos b’mod temporanju; sabiex ftit jiem wara l-festa se jkollu jerga’ jinqala’ kollox, u jkompli x-xogħol – li donnu ma jista’ jispiċċa qatt.
Id-deputat Nazzjonalista Mosti Ivan Bartolo kkonferma li r-residenti tal-lokalita’ huma mdejqin b’din is-sitwazzjoni diżastruża, għax il-Mosta tinsab f’sitwazzjoni kerha ħafna bix-xogħol kollu li qed jsir bla pjanar u bla ebda miżuri ta kunsiderazzjoni lejn is-sidien tal-ħwienet.
B’uħud minnhom jikkummentaw ma’ Net News dwar id-daqqa kbira li qed isofru f’dawn il-ġranet – meta issoltu, Awwissu, ikun wieħed mill-aqwa xhur għan-negozju tal-Mosta…propju minħabba l-festa ta’ Santa Marija.
//= $special ?>