Lokali Saħħa

Steward jakkużaw lill-Gvern ta’ Abela li wettaq u-turn fuq il-kwistjoni tat-tliet sptarijiet

“Il-Gvern ta’ Abela fl-ebda mument ma qalilhom li kienu qed jonqsu mill-obbligi tagħhom”

It-Tnejn filgħodu ngħata bidu fil-binja tal-Qorti għall-ewwel seduta tal-Qorti tal-Appell fil-kawża tat-tliet sptarijiet.

Dan wara li fi Frar ta’ din is-sena – il-Qorti ppreseduta mill-Imħallef Francesco DePasquale kienet tat lura t-tliet sptarijiet ċioè; l-Isptar San Luqa, Sptar Karin Grech u Sptar Ġenerali t’Għawdex, lill-poplu Malti u Għawdxi.

Dan grazzi għall-kawża li kien fetaħ id-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia flimkien mat-tim tiegħu – bil-Gvern Laburista sakemm ma tħabbret is-sentenza jibqa’ jitkellem favur ta’ Steward.

Madanakollu – malli faqqgħet is-sentenza u l-Partit Nazzjonalista ngħata raġun….il-Gvern ta’ Abela beda jbiddel id-diska.


Għaldaqstant, fis-sottomissjonijiet tal-appell – Steward Healthcare qed jakkużaw lill-Gvern li dan qiegħed jagħmel u-turn – billi biddel il-pożizzjoni tiegħu kompletament; minn xhur sħaħ jopponu l-każ ta’ Adrian Delia…għal li jagħtu s-sostenn lil dak li kien qiegħed jgħid.


Dan filwaqt li Adrian Delia spjega li spjega li ta’ Steward qed jisħqu li sa Marzu ta’ din is-sena huma kienu qed jonoraw l-obbligi tagħhom tant li huma qed jinsistu li l-Gvern ta’ Abela fl-ebda mument ma ħareġ twissija jew qalilhom li kienu qed jonqsu.


Wara li nstemgħu s-sottomissjonijiet ta’ Steward Healthcare Malta – kien imiss għal Steward Healthcare Spain. Dan għaliex ġie spjegat li la darba fetaħ il-kawża Adrian Delia, huma jistgħu jagħmlu appell ukoll f’din il-kawża straordinarja.


Minn naħa tiegħu l-Avukat Edward Debono li qed jidher għan-nom ta’ Adrian Delia argumenta li Steward Spain ma jistgħu qatt jidħlu f’din il-kawża aktar u aktar f’dan l-istadju. Ma jistgħux jagħmlu appell huma.

Huwa insista li tħallsu ‘l fuq minn €400 miljun u ħadd m’assuma responsabbiltà ta’ dawn il-ħlasijiet – bl-Awditur Ġenerali jsib il-frodi, kif ukoll l-Imħallef Francesco Depasquale wkoll isib il-frodi fi tlett istanzi.

Dan filwaqt li l-Avukat Debono stqarr li ta’ Steward kienu f’konfoffa mal-Ministru tal-Gvern Malti u uffiċjali oħrajn.


Is-sentenza finali mistennija tingħata nhar it-23 ta’ Ottubru, 2023.