Lokali

Tliet ġimgħat bil-pajjiż iħabbat wiċċu ma’ kriżi fil-provvista tal-elettriku

Tliet ġimgħat sħaħ. Daqshekk ilu l-pajjiż iħabbat wiċċu ma’ kriżi fil-provvista tal-elettriku.

Dan hekk kif it-Tnejn filgħodu familji mill-Ġudja, Tarxien, Kalkara, Smart City, Birgu, Bormla, Fgura, Xgħajra spiċċaw mingħajr provvista tal-elettriku.

Jidher li minkejja li fl-aħħar jiem u ġimgħat il-Gvern kien qiegħed ifarfarha fuq it-temperaturi għoljin….id-dawl donnu qed imur anke issa li t-temperaturi tbaxxew sew.

Tajjeb li wieħed isemmi li aktar minn ġimgħa ilu l-Prim Ministru Robert Abela kien insista li s-sitwazzjoni hi ripristinata.

Madanakollu jidher li f’ċertu postijiet u zoni fil-pajjiż – qed jirċievu l-elettriku permezz ta’ generators.

Dan filwaqt li l-Ministru Miriam Dalli sal-lum għadha ma refgħet ebda responsabbiltà jew ma għamlet ebda apoloġija lill-poplu; poplu li fl-aħħar jiem tneħħa mill-għeżeż ħaġa għalih – id-dinjità.

Poplu li sal-lum għadu qiegħed jistenna kumpens għall-mijiet ta’ ewro f’ikel u oġġetti li kellu jarmi kawża tal-qtugħ fil-provvista tal-elettriku.

Poplu li kellu jsellem għall-aħħar darba l-annimali domestiċi tiegħu li ma felħux għas-sħana qawwija.

Poplu li ra tal-inqas 15-il persuna jmutu kawża tal-heatwave li ħakmet pajjiż…heatwave li l-maġġorparti tiegħu qattagħha mingħajr provvista tal-elettriku.