Ħalliel ta’ 45 sena li jispeċjalizza fis-serq ta’ karozzi ġie kundannat tliet snin wara li għal darba oħra kellu każ ieħor relatat ma’ dan it-tip ta’ serq. Kaled Mukthar Ben Gamhur li huwa Libjan ammetta li fl-10 ta’ Lulju tal-2022 ikkommetta serq ta’ diffuser abjad li jiswa’ €60.
Ammetta wkoll li fl-istess data, lok, hin u ċirkostanzi volontarjament ħassar, għamel ħsara jew għarraq ħwejjeġ ħaddieħor li hija karozza Golf Mark 3, liema ammont tal-hsara hija izjed minn €2,500. Ammetta wkoll li fil-11 ta’ Lulju 2022 għall-ħabta tat-3.20pm. mill-main car park tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kkommettejt serq minn karozza, liema serq huwa aggravat u li l-valur tiegħu hu ta’ €630.00.
Ammetta wkoll quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech li fit-12 ta’ Settembru 2022 għall-ħabta tas-1pm. milll-parking tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ikkommetta serq ta’ electric scooter li jiswa’ €549 u li fl-10 ta’ Lulju, fil-11 ta’ Lulju u fit-12 ta’ Settembru 2022 f’dawn il-gżejjer, xjentement laqa’ għandu jew xtara ħwejjeġ misruqa, u ċioe diversi oġġetti li jammontaw ghall-€1,239 ġew meħudin b’qerq, jew akkwistati b’reat u li ndaħal biex ibiegħhom jew imexxihom.
Il-Qorti kkundannatu sentenza ta’ ħabs anke fid-dawl tal-fatt li sar reċidiv. Il-Qorti kkunsidrat ukoll il-fatt li l-imputat ammetta l-imputazzjonijiet miġjuba fil-konfront tiegħu, u għaldaqstant, fuq l-ammissjoni volontarja w inkondizjonata tiegħu, l-Qorti tiddikjara li m’għandhiex triq oħra salv li ssib lill-imputat ħati talimputazzjonijiet miġjuba fil-konfront tiegħu kif minnu ammessi.
Dwar il-piena l-Qorti ħadet in konsiderazzjoni l-ammissjoni ferm bikrija tal-imputat, tal-fatt li wera kooperazzjoni mal-awtoritajiet investigattivi, tal-karattru refrattarju tiegħu, tal-fatt li l-imputat hu maħkum mill-vizzju tad-droga, liema vizzju jixprunah iwettaq reati simili sabiex jiffinanzja l-istess vizzju u taċ-ċirkostanzi l-oħra tal-każ. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Roxanne Tabone.