Donnu Robert Abela ma jistax iġibha żewġ mal-Ministri Għawdxin. L-ewwel kellu l-każ tal-Ministru Justyne Caruana li spiċċat għaffġitha sal-punt li kellha ddabbar rasha, u issa għandu fuq il-platt tiegħu sitwazzjoni xejn sabiħa tal-Ministru Anton Refalo li qiegħed isabbat saqajh u ma jridx jirriżenja mill-Kabinett, filwaqt li l-Ministru Għawdxi l-ieħor Jo Etienne Abela jrid akkost iżarma mir-rwol tiegħu fil-Kabinett tal-Ministri biex jirritorna jaħdem fil-privat.
Il-verità hija li Robert Abela għaddej minn paniku u konfużjoni kbira u l-inċident serju ta’ bħal-lum ġimgħa fi tmiem laqgħa tal-Kabinett tal-Ministri kompla jitfa’ aktar melħ fuq il-ferità.
Dak kollu li ppjana Robert Abela biex iwettaq fil-jiem li għaddew biex mingħajr jibda jgawdi s-sajf bil-kwiet u jkun jista’ jibda jdur bil-jott, sarlu suf.
Il-mira kienet li terġa’ titqajjem l-istorja tal-famuża ġebla fir-residenza privata fil-Qala għand il-Ministru Anton Refalo. Iżda l-Ministru Anton Refalo mhux lest li jċedi postu fil-Kabinett tal-Ministri, aktar u aktar meta fil-konfront tiegħu wieħed qed jitkellem dwar sempliċi ‘ġebla’ filwaqt li fuq kollegi diretti tiegħu fl-istess Kabinett tal-Ministri jista’ jsir diskors dwar allegazzjonijiet serjissimi li jinvolvu l-miljuni tal-ewro!
Fi ftit kliem Robert Abela qiegħed check mate u litteralment dahru mal-ħajt. Mela l-probabbiltà hija li se jtiru l-pjanijiet ta’ Robert Abela u kollox jibqa’ status quo. Iżda sadanittant kibret il-pressjoni tal-Ministru għall-Anzjanità Jo Etienne Abela li ma jiflaħx jissaporti aktar din is-sitwazzjoni ta’ tensjoni fil-Kabinett tal-Ministri, fil-Grupp Parlamentari u fil-Gvern ta’ Robert Abela.
Għalih dan kollu huwa intrigu u inkwiet bla bżonn u għalhekk jixtieq li jispiċċa mir-rwol ta’ Ministru biex jerġa’ jibda jservi fil-privat fejn ikun jista’ jaħdem bil-miftuħ kemm jixtieq, fi x’ħin irid u bla restrizzjonijiet.
Taħwid kbir f’Kastilja anki invista tal-laqgħa tal-Kabinett tal-Ministri li qegħdin jakkużaw lil Robert Abela li aktar jisma’ u jieħu l-pariri tal-kitchen cabinet li għandu milli jisma’ u jagħti widen għal dak li jgħidulu huma. Fil-veru sens tal-kelma ‘free fall’ għal Robert Abela li fl-aħħar ġimgħat, preċiżament mill-kwistjoni tal-abort lil hawn, ma waqafx jagħmel żbalji kbar li wasslu biex għall-ewwel darba f’ħafna snin il-Labour jinsab wara l-PN fl-istħarriġ tal-opinjoni pubblika biex hekk huwa evidenti li l-gwaj li jinsab fih Abela huwa tassew kbir.
//= $special ?>