Il-Ministru Miriam Dalli baqgħet ma tat ebda assigurazzjoni li l-Maltin u l-Għawdxin mhux se jesperjenzaw qtugħ tad-dawl fil-ġimgħat li ġejjin.
Waqt dibattitu fil-programm Xtra Miriam Dalli infexxet f’attakk partiġġjan wara l-ieħor, iżda fl-ebda ħin ma tat garanzija li l-poplu mhux se jerġa’ jispiċċa fi kriżi nazzjonali – iżda qalet biss li se taħdem b’pass mgħaġġel.
Minn naħa tiegħu d-Deputat Nazzjonalista Mark Anthony Sammut qal li l-Gvern ivvinta mitt elf skuża dwar din il-kriżi; skużi li fir-realtà ma wasslux għal qtugħ fil-provvista tal-elettriku.
Dan hekk kif issa li għaddiet il-mewġa tas-sħana diversi lokalitajiet komplew jesperjenzaw qtugħ tad-dawl – bl-ironija tkun li waqt dan id-dibattitu stess inqata d-dawl f’diversi lokalitajiet.
Mark Anthony Sammut sostna li din il-kriżi ilha s-snin ġejja għaliex il-Gvern Laburista fl-aħħar 10 snin m’għamilx investiment sabiex in-network ilaħħaq għaż-żieda fid-domanda tal-elettriku – kaġun tal-isplużjoni fil-popolazzjoni. Huwa saħaq li s-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku ġiet traskurata taħt Gvern Laburista.
U wara din il-kriżi nazzjonali….kollox qed jindika li l-Ministru Miriam Dalli mhux se tagħmel apoloġija mal-familji milquta.
Intant, meta l-Ministru Miriam Dalli kienet mistoqsija dwar x’kumpens se jingħata lil dawk in-nies li qattgħu sigħat sħaħ bla dawl hija ħarbet milli twieġeb filwaqt li ma qalitx min se joħroġ dan il-kumpens.
//= $special ?>