Lokali

Eks Deputat Mexxej tal-Labour jitfa’ pressjoni fuq Abela biex jagħmel u-turn oħra

Tikber il-pressjoni interna fuq Robert Abela, tant illi issa anke l-eks Deputat Mexxej tal-Partit Laburista l-avukat Joe Brincat irid li Rosianne Cutajar tidħol lura fil-Labour.

Dan hekk kif hu ma qabilx mal-mod kif ġiet trattata mill-Prim Ministru, għaliex skont Brincat, minkejja li ma nstab xejn fuqha u li ma kisret l-ebda liġi, il-Partit ta’ Abela baqa’ istinat u żamma barra mill-Grupp Parlamentari.

F’opinjoni li kiteb fil-gazzetta “It-Torċa” ta’ nhar il-Ħadd li għadda Joe Brincat kritika l-manuvri tal-Partit Laburista fil-konfront ta’ Rosianne Cutajar li llum hija deputat parlamentari indipendenti. U nsista li l-partit ta’ Robert Abela ma stenniex l-eżitu tal-investigazzjoni mid-Dipartiment tat-Taxxa.

“Issa kulħadd fil-muta”

L-eks Deputy Leader Laburista tenna li l-ewwel żball sar kien li ta’ l-anqas kellha l-ewwel tiġi sospiża u mbagħad il-partit jimxi skont l-eżitu ta dik l-investigazzjoni.

“Fejn huma dawk li xlewha?” staqsa l-avukat Brincat.

Dan filwaqt illi insista: “Iva għandha raġun Rosianne Cutajar. Kulħadd mutu issa. Rosianne Cutajar tneħħiet mill-Partit Laburista, u nemmen li din kienet l-akbar daqqa ta’ ħarta għaliha fil-karriera poltika tagħha.”

L-eks Duputy Leader Laburista jinsisti li fil-każ ta’ Rosianne Cutajar kien hemm biss “għaġla żejda”. U li hi għandha dritt sagrosant li tiġi ristabbilita fil-Partit Laburista bħala membru parlamentari.

Hu jfakkar li Rosianne Cutajar telgħet bil-voti tal-Laburisti, u li dawn għandhom dritt li tkompli tirrappreżentahom.

Ultimatum sa nhar il-Ġimgħa

Il-pressjoni biex Robert Abela jagħmel u-turn fil-konfront ta’ Rosianne Cutajar ilha tinħass għal diversi ġranet. Tant li fl-aħħar jiem, anke Manuel Cuschieri daħal fix-xena – u hedded lill-media Laburista li se jieħu passi jekk sa nhar il-Ġimgħa ma jxandrux l-aħbar dwar dak li għaddiet minnu.

Dawn l-iżviluppi kollha qanqlu wkoll baraxxa ta’ reazzjonijiet fuq il-media socjali, fejn diversi partitarji Laburisti qed jgħidu li Robert Abela mhux jagħti kas dak li qed jgħidu…u mhux iħoss il-polz tal-Laburist ġenwin.