Rapporti minn The Shift News jindikaw li Clyde Caruana gideb lill-poplu Malti
Il-fatt li rapporti li ħarġu dwar Clyde Caruana li gideb fil-Parlament dwar il-paga taċ-Chairman Eżekuttiv tal-AirMalta, David Curmi, tpoġġi f’dubji serji l-integrità tal-Ministru għax irrifjuta li jagħti informazzjoni u kompla jagħmel skużi biex jevita s-suġġett dwar il-pakkett finanzjarju.
Filwaqt li fil-Parlament stqarr li ċ-Chairman tal-Air Malta ma rċieva l-ebda remunerazzjoni bħala Chairman Eżekuttiv, illum The Shift News ħarġet li kellu pakkett ta’ madwar €21,500 fix-xahar. Il-Ministru għall-Finanzi pprova jgħatti dan kollu u gideb fil-Parlament.
Dan intqal fi stqarrija maħruġa mid-Deputati tal-Partit Nazzjonalista Ivan J. Bartolo, Jerome Caruana Cilia kif ukoll Robert Cutajar.
Suppost Clyde Caruana qiegħed hemm biex jissalvagwardja l-finanzi pubbliċi u jara li flus il-poplu jintużaw kif inhu xieraq. Clyde Caruana gideb fil-Parlament dwar fondi pubbliċi li jintużaw biex iħallsu kapijiet ta’ kumpaniji pubbliċi maħtura direttament minnu. Dan iqiegħed fid-dubju kull stqarrija magħmula minn Clyde Caruana fir-rigward tar-rwol u r-responsabbiltajiet tiegħu.
Il-poplu Malti m’għandux jaċċetta li Ministru ewlieni tal-Gvern jigdeb b’mod sfaċċat lill-ogħla istituzzjoni politika ta’ dan il-pajjiż.
Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista qed jitlob lill-Kummissarju tal-Istandards biex jinvestiga din il-gidba sfaċċata li tefgħet fid-dubju għal kollox l-integrità ta’ Clyde Caruana bħala Ministru tal-Finanzi. La nqabad jigdeb fuq din, mela ma jistax jitwemmen fuq affarijiet oħrajn. Minn dak li ħareġ illum, hu ċar li Clyde Caruana gideb u ma nistgħux nafdawh.
//= $special ?>