Katrina Micallef ta’ Royal Malta Yacht Club, li għad għandha ħmistax-il sena kitbet storja għall-ibburdjar Malti u l-Club meta temmet fit-tielet post fil-Kampjonati tad-Dinja taż-Żgħażagħ Taħt is-16-il sena ILCA 4, organizzat min-Nautical Club of Volos & Argonauts fil-Greċja.
Micallef, li dan l-aħħar għaddiet għall-Klassi ILCA 4, wara li kisbet diversi snin ta’ esperjenza fit-tlielaq fil-Klassi Optimist, spiċċat fit-tnax-il post fil-klassifika ġenerali, fi flotta b’saħħitha ta’ 150. Katrina Micallef riċentament rebħet ukoll il-midalja tad-deheb fl-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa, li saret f’Malta.
Matul il-Kampjonat mifrux fuq sitt ijiem, l-atleti esperjenzaw varjetà ta’ kundizzjonijiet b’veloċitajiet tar-riħ li jvarjaw minn 6 sa 14-il mil nawtiku fis-siegħa. Alexandr Denisiuc, Kowċ u Membru tal-Kumitat tar-Royal Malta Yacht Club ikkummenta li apparti r-riżultat miksub minn Micallef, dawn il-kampjonati laqqgħu flimkien mijiet ta’ atleti minn madwar id-dinja, fosthom atletli li fil-futur ser jikkompetu fl-Olimpjadi.
Wirja eċċellenti kienet reġistrata wkoll minn Benjamin Vassallo tal-Malta Young Sailors Club li spiċċa fit-12-il post fil-klassifika ġenerali fi flotta ta’ 287 partecipant.
Il-partecipanti Maltin kienu assistiti mill-kowċis tar-Royal Malta Yacht Club Sailing School, Ruya Cakmakli u Alexandr Denisiuc.
