Internazzjonali

Iċ-Ċina: Theżżiża fit-tmexxija tat-taqsima responsabbli mill-armi nukleari

Il-President taċ-Ċina Xi Jinping neħħa liż-żewġ kapijiet ta’ taqsima elitista li tieħu ħsieb l-armamenti nukleari tal-pajjiż – b’din id-deċiżjoni qed tidher bħala parti minn kampanja tal-President biex ‘jaħsad l-irjus ta’ diversi uffiċjali’.

Dan il-pass kien ikkonfermat wara li l-Ġeneral Li Yuchao, li jmexxi lit-taqsima għall-missili ‘speċjalizzati’ tal-Armata Ċiniża u l-Viċi-Kmandant tiegħu ilhom ma jidhru għal xhur – u meta ħadd ma jaf dwar l-aħħar movimenti tagħhom.

Posthom fit-tmexxija tat-taqsima ħaduhom l-eks Viċi-Kap tan-Navy Ċiniż Wang Houbin u Xu Xisheng, li hu membru tal-Kumitat Ċentrali tal-Partit Komunista li qed jamministra lill-pajjiż minn Beijing.

Din hi anki l-akbar theżżiża fit-tmexxija militari taċ-Ċina għal mill-anqas għaxar snin – bl-analisti tas-sigurtà barra l-pajjiż qed jistennew l-iżviluppi sinifikattivi minn issa ‘il quddiem.

Il-President Xi hu wkoll iċ-Chairman tal-ogħla sistema ta’ kmand militari taċ-Ċina u għalkemm ikkonsolida l-kontroll fuq it-taqsima għall-missili nukleari b’mod totali hu xorta waħda qed jinkwieta dwar il-korruzzjoni fl-ogħla livelli tal-istess taqsima…

Dan ukoll fost indikazzjonijiet li Xi u l-Partit Komunista jista’għad mgħandhomx il-lealtà assoluta mill-membri kollha tat-taqsima partikulari.

Il-Gvern Ċiniż, intant, ma kkonfermax jekk il-Ġeneral Li Yuchao u l-viċi tiegħu għandhomx, ‘il quddiem, ikunu proċessati għal akkużi ta’ korruzzjoni u meta mistenni li aktar uffiċjali mal-militar għandhom jitilfu posthom fil-jiem li ġejjin.