Il-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC) li kien għal-lum waranofsinhar biex ikompli jiskrutinja l-kuntratt tal-power station tal-Electrogas mhux se jiltaqa’ minħabba li l-erba’ deputati tal-gvern qed jirrifjutaw li jipparteċipaw għax ma jridux li jaħdmu fis-sajf. Quddiem din is-sitwazzjoni d-deputat Nazzjonalista u Chairman tal-PAC Darren Carabott kiteb lill-Ispeaker tal-parlament Anġlu Farrugia biex dan jagħti direzzjoni dwar din is-sitwazzjoni.

Ix-xhud li kien skedat biex jixhed fis-seduta tal-lum kien l-ex Prim Ministru Laburista Joseph Muscat li digà deher quddiem dan il-kumitat f’seduti preċedenti iżda li ma kienx għadu kkonkluda x-xhieda tiegħu. Min-naħa tiegħu, fl-aħħar seduta, Joseph Muscat kien qal li f’Lulju se jkun impenjat ħafna u għalhekk ma kienx possibbli li jixhed iżda wera disponibbiltà li jixhed f’Awwissu. Għalhekk il-kumitat kien skedat għal-lum biex jixhed Muscat u jasal lejn it-tmiem tax-xhieda tiegħu.

Quddiem din is-sitwazzjoni, fejn il-gvern għandu maġġoranza fil-PAC, d-deputati Laburisti membri fil-PAC, immexxija mill-Whip Laburista Andy Ellul, oġġezzjonaw li l-PAC jiltaqa’ fis-sajf u insistew li l-laqgħat dwar l-Electrogas ikomplu f’Ottubru, meta jerġa’ jiftaħ il-parlament. Dan ifisser li l-PAC ma jistax jiltaqa’ iktar matul is-sajf biex jikkonkludi l-investigazzjoni dwar l-Electrogas; liema investigazzjoni issa se tibqa’ miftuħa sa Ottubru qabel jerġgħu jibdew il-laqgħat.
Din is-sitwazzjoni wasslet liċ-Chairman Darren Carabott biex jikteb lill-Ispeaker Anġlu Farrugia u jinsisti għal direzzjoni biex il-kumitat ikun jista’ jkompli jaħdem.

Bl-iskop li l-PAC ikompli għaddej fis-sajf, l-Oppożizzjoni pproponiet lill-Gvern biex, jekk id-deputati Laburisti membri fil-PAC bħalissa ma jistgħux jattendu fis-sajf, il-gvern isib erba’ deputati laburisti oħra biex jipparteċipaw flokhom. Il-gvern irrifuta din il-proposta u baqa’ jinsisti li l-PAC ma jiltaqax fis-sajf.

Minbarra li ma pparteċipawx f’dan il-kumitat, il-membri ta-gvern ikkomunikaw mal-ex Prim Ministru Joseph Muscat minn wara dahar il-PAC fejn il-Whip Laburista Andy Ellul informah li l-laqgħa tal-lum kienet tħassret għaliex il-membri tal-gvern ma kinux se jattendu u għalhekk ma kienx hemm kworum fil-PAC. Darren Carabott qal li dan hu atteġġjament irresponsabbli u abbuż ta’poter mill-membri tal-gvern.
//= $special ?>