Lokali

Il-PBS ma rrappurtax l-appell fil-kawża tal-isptarijiet

“Sitwazzjoni tal-mistħija!”

Hekk iddikjara d-Deputat tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia wara li l-PBS iċċensura għal kollox il-fatt li t-Tnejn beda jinstema’ l-appell fil-kawża tat-tliet sptarijiet – skandlu li kaġun tiegħu il-poplu Malti u Għawdxi insteraq €400 miljun.

F’post fuq il-midja soċjali Adrian Delia fakkar li dan kien każ fejn insteraq il-poplu kollu, filwaqt illi insista li x-xandir nazzjonali qiegħed hemm biex iservi lill-poplu u mhux lill-Gvern ta’ Robert Abela.

Imma dawk kollha li t-Tnejn segwew ix-xandir nazzjonali ma ingħataw ebda informazzjoni dwar il-fatt li beda jinstema dan l-appell kif ukoll dwar dak kollu li intqal fl-awla; għaliex għal darba oħra l-PBS iċċensura aħbar importanti; aħbar li tikkonċerna flus il-poplu kollu.

Matul dawn l-aħħar xhur ix-Xandir Nazzjonali f’diversi okkażjonijiet iċċensura aħbarijiet ta’ importanza – minn diskorsi waqt protesti għal parti mid-diskors tal-Papa Franġisku. U issa, anke l-appell ta’ Steward Healthcare.

Fi Frar li għadda fis-sentenza iebsa tal-Imħallef Francesco Depasquale ħareġ biċ-ċar li l-poplu Malti u Għawdxi insteraq ‘il fuq minn €400 miljun. U b’din is-sentenza l-isptarijiet ingħataw lura mill-poplu grazzi għall-kawża li kien fetaħ id-Deputat tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia.

Waqt l-Appell tat-Tnejn intqal li sal-lum għadu ħadd m’assuma responsabbiltà ta’ dawn il-ħlasijiet; €400 miljun li minnhom il-poplu ma ħa ebda investiment; bix-xandir nazzjonali ma jirrapporta xejn dwar dan. Tant li s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino reġa’ irrefera għall-PBS bħala Super One 2.