Ambjent Lokali

Il-PN jilqa’ b’sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Qorti li kkonfermat li m’għandux isir żvilupp f’Ħondoq ir-Rummien

Il-Partit Nazzjonalista ilu s-snin jaħdem biex din il-medda ta’ art tkun tal-poplu kollu, tant li f’Novembru 2002, il-Kunsill Lokali mmexxi mis-Sindku Nazzjonalista ta’ dak iż-żmien Paul Buttigieg organizza referendum fost ir-residenti Qalin. Dakinhar, grazzi għall-ħidma tal-Kunsill Lokali, 85% tar-residenti kienu vvotaw kontra dan il-proġett.

Aktar riċenti, fil-Programm Elettorali għall-elezzjoni ġenerali li għaddiet, il-Partit Nazzjonalista saħansitra ppropona li din il-medda ta’ art tinbidel f’park nazzjonali. B’hekk, titgawda mir-residenti Qalin, kif ukoll mill-Għawdxin, il-Maltin u t-turisti li jżuruha.

Min-naħa l-oħra, kien biss fl-aħħar xhur li l-Partit Laburista rikeb il-karru tal-populiżmu u qal li hu kontra dan il-proġett, tant li sa ftit qabel l-elezzjoni ġenerali, dejjem qagħad pass lura milli jieħu pożizzjoni pubblika. Tant hu hekk li fil-bidu tas-sena li għaddiet stess, Robert Abela nnifsu kien qal li l-Gvern tiegħu mhux se joħroġ flus biex l-art tal-Ħondoq tittieħed lura.

U anke l-Ministru attwali għal Għawdex, Clint Camilleri, li hu stess kien Sindku tal-Qala, qatt ma ħa pożizzjoni kontra dan il-proġett.

Intant, f’kumment ma’ Net News il-Minority Leader tal-Partit Nazzjonalista fil-Kunsill Lokali tal-Qala, Karl Buttigieg sostna li din id-deċiżjoni hija r-riżultat tal-ħidma tal-Kunsill Lokali tal-Qala, anke dawk immexxija mill-PN, li flimkien mal-għaqdiet ambjentali, ħadmu flimkien kontra dan l-iżvillupp spekulattiv. Hu semma kif mingħajr ir-referendum mmexxi mis-Sindku Nazzjonalista ta’ dak iż-żmien Paul Buttigieg, dan l-esedu tal-lum ma kienx ikun possibli. Hu qiegħed jissuġerixxi li din l-art għandha tinbidel f’park nazzjonali, sabiex kemm il-Qalin, kif ukoll il-poplu Malti u Għawdxi, kollu jkun jista jgawdiha. Iżda biex dan isir, hu appella lill-gvern biex jakkwista din l-art.