Fil-Portugall hemm stennija kbira għall-wasla, għada, tal-Papa Franġisku li se jkun il-protagonista assolut waqt il-ħamest ijiem li jmiss ta’ ċelebrazzjonijiet reliġjużi fuq tema tipikament żgħażugħa…Dan meta l-Jum Dinji taż-Żgħażagħ qed jirritorna bi programm mimli attivitajiet għall-ewwel darba wara l-pandemija tal-Covid-19.
Fl-aħħar jiem, mijiet ta’ eluf ta’ Kattoliċi żgħaħagħ kienu qed jaslu fil-Portugall minn kull rokna tad-dinja, bil-Papa – minkejja l-kundizzjoni fiżika fraġli – mistenni jkun preżenti għall-attivitajiet ewlenin kollha li jikkonkludu l-Ħadd, is-6 ta’ Awwissu.
Il-qofol tal-avveniment, bla dubju, se tkun il-quddiesa l-kbira li l-Papa se jiċċelebra l-Ħadd f’Lisbona – biż-żjara fil-Portugall qed issir bħala r-raba’ waħda tiegħu konnessa mal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ wara li hu kien ħa sehem fl-avvenimenti internazzjonali simili li saru fil-Panama, il-Polonja u l-Brażil.
Il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ ilu jsir mill-1985 fuq l-inizjattiva tal-mibki Papa Ġwanni Pawlu t-Tieni – u bl-avveniment fil-Portugall mistenni jkun mimli b’attivitajiet li jikkonfermaw l-impenn Kattoliku kif inhu espress mill-persuni fil-fjur ta’ ħajjithom.
Għall-avveniment fil-Portugall, l-osservaturi waqqfu l-palkijiet f’numru ta’ lokalitajiet fejn se jinġabru ż-żgħażagħ għall-quddies, il-vejl tat-talb u għal-laqgħat soċjali u reliġjużi. Dan meta l-awtoritajiet Portugiżi qed jistennew li ż-żgħażagħ barranin preżenti f’pajjiżhom f’dawn il-jiem jaqbżu sew il-miljun.
Intant, il-Papa Franġisku, matul iż-żjara, se jiltaqa’ anki ma’ diversi mexxejja politiċi u diplomati – bil-Prim Ministru Portugiż Antonio Costa jirreferi għall-avveniment bħala ‘l-akbar impenn internazzjonali qatt organizzat mill-Portugall’.
//= $special ?>