Internazzjonali

Ir-Russja: L-attakki bid-drones saru ‘realtà ġdida’ għal Moska

Il-Gvern tar-Russja qed iwaħħal fl-Ukrajna għal attakki ġodda bid-drones li fl-aħħar sigħat laqtu numru ta’ miri fil-qalba proprja ta’ Moska.

U għalkemm ir-Russi rnexxielhom jeqirdu numru ta’ drones, wieħed minn dawn l-inġenji pakkjati bl-isplussivi laqat direttament lil skyscraper li qed jintuża mill-Ministeru Russu għall-Iżvilupp Ekonomiku.

Intant, numru ta’ vapuri tar-Russi wkoll intlaqtu mid-drones, bl-azzjoni tindika li — bħalma qal diġà il-President Ukren Volodymyr Zelensky – l-ibliet tar-Russja qed iġarrbu dejjem aktar l-impatt tal-gwerra. Fil-fatt, il-poplu Russu, għall-ewwel darba, jinsab imħasseb dwar kif qed jiżvolġi l-konflitt fl-Ukrajna…Gwerra li l-Kremlin għadu jirreferi għaliha bħala ‘Kampanja Militari Speċjali’ intiża biex telimina allegat ‘reġim neo-Nażista fi Kiev’.

Is-Sindku ta’ Moska, Sergei Sobyanin, fl-aħħar sigħat, ipprova jtaffi mill-impatt tal-aħħar rejd fuq il-belt tiegħu bħala tentattiv biex inaqqas mit-tensjoni qalb poplu li beda jduq ftit mill-ħruxija tal-gwerra li l-Ukreni ilhom ibatu għal kważi sena u nofs,.

Hu tenna li d-difiżi madwar Moska rnexxielhom iwaqqgħu ‘il-maġġoranza’ tad-drones madwar l-inħawi tal-kapitali – bil-kelliema għall-Gvern Russu jgħidu wkoll li rnexxielhom jeqirdu tlett opri tal-baħar tal-Ukreni li kienu qed jintużaw għall-attakki fuq il-bastimenti tal-gwerra tar-Russi fil-Baħar l-Aħmar. Mifhum li l-opri tal-baħar inkwistjoni jiffunzjonaw mingħajr ekwipaġġ u meta huma arma effettiva għal kontra l-vapuri.

Sadanittant – u filwaqt li l-Ukrajna ma weġbitx għall-akkużi tar-Russja – wieħed mill-konsulenti mal-President Zelensky wissa li r-Russi għandhom jaraw aktar drones mhumiex identifikati huma u  javviċinaw l-ibliet prinċipali ta’ pajjiżhom.

Dan meta l-osservaturi qed iqisu l-kliem tal-konsulent Mykhailo Podolyak bħala ‘diskors ambigwu’ peress li l-Ukrajna – ħlief għal darba – qatt ma assumiet responsabbiltà għall-attakki simili preċdenti kontra l-kapitali tar-Russja.

F’messaġġ li bagħat fuq il-media soċjali, Podolyak qal li r-residenti f’Moska, bil-mod il-mod, qed jiffamiljarizzaw ruħhom mal-konsegwenzi ta’ gwerra totali li qed tavviċina dejjem aktar lill-artijiet tal-awturi tal-konflitt fl-Ukrajna’.

Il-konsulent kompla li r-Russja, ‘il quddiem, għandha tiffaċċja sitwazzjoni aktar diffiċli fost il-potenzjal ta’ aktar konflitti ċivili fi ħdanha li jistgħu anki jkunu parti minn proċess storiku lejn bidla fit-Tmexxija’.