Żagħħugħ ta’ 25 sena minn Nepal u li f’Malta m’għandux indirizz fiss tressaq il-Qorti akkużat li kkaġuna ġrieħi ħfief fuq anzjana ta’ 74 sena u li seraqha. L-Ispetturi Lydon Zammit u Stephen Gulia li ressqu lil Madhu Sapkota qalu li l-pulizija daħlilhom rapport fis-27 ta’ Lulju li għall-ħabta tat-tlieta u nofs ta’ wara nofsinhar kien hemm anzjana ta’ 74 sena li kienet miexja fit-triq, ġiet agredita u ħatfulha portmoni minn idejha.
Qalu li peress li r-reat seħħ fid-dawl tax-xemx, il-filmati ta’ CCTV kienu ċari u setgħu jaslu biex identifikaw lill-akkużat u fil-fatt spiċċaw arrestawh it-Tnejn f’ San Pawl il-Baħar. Sapkota li fil-Qorti qal li ilu xahar ma jaħdimx u li qabel kien jaħdem l-ajruport iġorr il-bagalji, ammetta l-akkużi kontrih.
L-avukat difensur Josette Sultana u l-prosekuzzjoni qablu mad-difiża li l-akkużat iddispjaċih talli għamel, ikkollabora mal-pulizija u ammetta fi stadju bikri. Huma qablu li l-piena għandha tkun waħda minima ta’ tliet snin ħabs.
Il-Maġistrat Joe Mifsud ordna li jinżamm arrestat sakemm jagħti s-sentenza fit-18 ta’ Ottubru fil-10.45am. Qal li l-Qorti trid tgħaddi messaġġ lil kulħadd li l-vjolenza f’dan il-pajjiż mhix aċċettata taħt l-ebda ċirkostanza.
//= $special ?>

