Lokali Qorti

Libjan mixli li weġġa gravi raġel minn pajjiżu

Libjan ta’ 37 sena li f’Malta residenti l-Imsida, ġie mixli li bħal lum xahar għall-ħabta tas-7am fil-Gżira ikkaġuna ġrieħi gravi fuq Libjan ieħor, li heddu, li ġarr sikkina mingħajar liċenzja tal-Kummissarju tal-Pulizija, li kiser il-paċi pubblika u li naqas li jħares kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti biex ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq każi separati.

L-ispettur Jonathan Ransley qal lill-Qorti preseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud qal li l-pulizija daħlilha rapport dwar ġrieħi gravi u l-pulizija kkonfermat li seħħet ġlieda u minn investigazzjonijiet li segwew arrestat lill-akkużat, Husam Saleh Belgasem Shalgom.

Tenna li mill-investigazzjonijiet irriżulta li l-allegat vittma kien l-ewwel li pprovoka lill-akkużat u l-pulizija se tkun qed tkellmu wkoll fil-ġranet li ġejjin. L-avukati tal-akkużat Franco Debono u Marion Camilleri talbu li jingħata l-ħelsien mill-arrest u fid-dawl li l-prosekuzzjoni ma oġġezzjonatx.

Il-Qorti laqgħet it-talba fuq depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €12,000, ordni oħra kienet li jiffirma l-għassa tal-Imsida darbtejn fil-ġimgħa u jrid ikun id-dar bejn it-8pm u s-6am.