Il-PN ippreżenta protest ġudizzjarju kontra l-PBS wara li l-Awtorità tax-Xandir tat raġun lill-Partit Nazzjonalista fuq ilment quddiemha rigward ir-rifjut u ċensura minn naħa tax-xandir nazzjonali, li naqas milli jirraporta u jxxandar filmati tax-xeni li kien hemm fil-parlament u anke barra l-parlament nhar it-12 ta’ Lulju 2023.
Dan b’rabta mal-kommozzjoni li nqalgħet fl-istangers gallery kif ukoll l-avvenimenti li kien hemm barra l-parlament immedjatament wara li ttieħed il-vot dwar l-inkjesta pubblika minn omm, missier u qraba ta’ Jean Paul Sofia. Dan kollu ġie rappurtat fuq il-mezzi kollha tax-xandir u news portals.
Fil-protest kontra l-Awtorità tax-Xandir u l-PBS, il-Partit Nazzjonalista qal li d-deċiżjoni tagħha tas-26 ta’ Lulju 2023 l-Awtorita’ tax-Xandir iddeċidiet l-ilment imressaq mill-PN u sostniet li; “Wara riflessjoni dwar l-importanza ta’ dak li ġara nhar it-12 ta’ Lulju 2023, dwar il-valur ta’ aħbar li nħoloq kif ukoll dwar ir-raġunijiet li skont PBS wasslu sabiex tiġi eskluża din il- materja mill-għarfien tal-pubbliku, l-Awtorità ddeċidiet li tilqa’ dan l-ilment għall-fatt li avvenimenti relatati mal-għola istituzzjoni tal-pajjiż ma għandhomx ikunu mistura għat- telespettaturi tax-xandar pubbliku li għandhom dritt għal informazzjoni sħiħa. Dak li ġara fil- Parlament u barra mill-Parlament kienu ġrajjiet u avvenimenti ġodda li kienu qed iseħħu u li l-istazzjon pubbliku kien mistenni li jirrapporta mhux biss fir-rappurtaġġ miktuba tiegħu imma anke wkoll il-viżwal.”
Il-protest jgħid li minkejja li l-Awtorità tax-Xandir laqgħet l-ilment tal-PN, bid-deċiżjoni tagħha hija saret kompliċi fiċ-ċensura mal-Public Broadcasting Services Limited għaliex naqset milli tagħti rimedju effettiv lill-Partit Nazzjonalista li ressaq l-ilment.
Il-PN qal li l-aġir tal-Awtorità tax-Xandir u tal-Public Broadcasting Services Limited huwa bi ksur tal-Artikolu 119 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta, kif ukoll bi ksur tal-Kap 350 tal-Liġijiet ta’ Malta, li tirregola ix-Xandir f’Malta.
Il-PN qal li l-Awtorità tax-Xandir għandha obbligu ferm importanti bħala regolatur tax-xandir, tassigura li x-xandir pubbliku ma jkunx immanipulat mill-gvern li għandu l-kontroll assolut tal-istazzjon pubblik fejn huwa ċar dwar il-funzjoni tal-Awtorita’ tax-Xandir:
L-artikolu 119 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta kif ukoll l-Att tal-1991 dwar ix-Xandir, kif emendat, illum Kapitolu 350 tal- Liġijiet ta’ Malta, jagħmel l-Awtorità tax-Xandir l-għassies legali tal-imparzjalità u r-reqqa fl-aħbarijiet u fi programmi ta’ ġrajjiet kurrenti.
Ix-xandara tar-radju u tat-televiżjoni jridu jħejju u joħorġu bir-reqqa kollha meħieġa, rapporti ta’ aħbarijiet u programmi ta’ ġrajjiet kurrenti. L-Awtorità trid tara wkoll li x-xandar jibqa’ jżomm imparzjalità sħiħa fejn jidħlu ħwejjeġ ta’ kontroversja politika jew industrijali jew tax-xejra pubblika magħrufa taż-żmien, jgħid il-protest.
Il-PN qal ukoll li r-rifjut, bla kundizzjoni u bla raġuni suffiċjenti u motivata minn naħa tal-Awtorita u l-PBS milli toffri rimedju effettiv lill-PN, hija leżjoni tad-dritt ta’ liberta’ tal-espressjoni kif provduti f’Artikolu 41 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta u f’ Artikolu 10 ta’ Konvenzjoni Ewropea.
Barra minn hekk bl-aġir tal-istess Awtorita’ mhux biss inħoloq “a chilling effect” fuq l-aħbar, li din tiġi rappurtata fil-ħin u fl-interess pubbliku, iżda di piu’ l-istess Awtortita’ bid-deċiżjoni tagħha li ma toffri ebda rimedju saret kompliċi fiċ-ċensura u ħolqot “a freezing effect” fuq l-aħbar.
Dan in-nuqqas ta’ rappurtaġġ fattwali, mix-xandar pubbliku f’soċjetà demokratika għandu jkun ħieles minn kull manipulazzjoni voluta fuq materja ta’ interess pubbliku u għalekk, id-dritt ta’ informazzzjoni jifforma parti sħiħa mid-dritt ta’ opinjoni u tal-espressjoni libera kif protetti mill-Kostituzzjoni u mill-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem. Dan huwa l-obbligu tal-protestati flimkien li jeżerċitaw l-funzjonijiet u obbligi tagħhom skond il-Kostituzzjoni u skond il-Liġi.
Għaldaqstant, għall-finijiet u l-effetti kollha tal-liġi, l-PN qed jitlob biex jingħata rimedju effettiv għall-ilment tiegħu tat-12 ta’ Lulju 2023, liema azzjoni qegħda tillidi id-dritt fondamentali tal-liberta tal-espressjoni kif protett f’Artikolu 41 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta u Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u qed iżommhom responsabbli għal kull azzjoni li joħroġ mir-rifjut tagħhom. Il-protest ġie ffirmat mill-avukati Paul Borg Olivier u Francis Zammit Dimech.